Wednesday, April 24, 2024

“Is-sitwazzjoni f’Sir Anthony Mamo hi kalma … imma wara l-kalma hemm tbatija kbira”

Aqra wkoll

Fis-sitwazzjoni tal-Covid-19 il-kunvent fejn qed jgħix Fr Mario Attard huwa Sir Anthony Mamo f’kuntatt ma’ nies li għaddejjin mit-trattament tal-marda tal-kanċer

Miktub minn MARIA AZZOPARDI

F’din l-intervista, dan is-sit jagħti ħarsa dettaljata tal-esperjenza ta’ Fr Mario Attard li bħalissa, minħabba s-sitwazzjoni preżenti b’rabta mal-imxija tal-Covid-19, qed jgħix ġewwa Sir Anthony Mamo. Is-sitwazzjoni f’Sir Anthony Mamo hija kalma, iżda wara din il-kalma hemm tbatija kbira. Tbatija minħabba t-trattament li qed jirċievu u anke minħabba li l-għeżież tagħhom ma jistgħux iżuruhom bħalissa minħabba s-sitwazzjoni preżenti. Waħda mill-esperjenzi li missitlu qalbu, kienet dik ta’ raġel li ried jgħannqu akkost ta’ kollox kull darba li kien iżuru fis-sala. Hawnhekk Fr Mario ħass weġgħa ta’ qalb kbira li ma setax jagħmel dan minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19. Fr Mario kellu kliem ta’ tifħir għall-istaff ta’ Sir Anthony Mamo, tant li ddeskrivihom bħala eroj siekta.

X’inhuma s-sitwazzjonijiet li qed tiltaqa’ magħhom f’dawn l-aħħar ġimgħat u kif tiddeskrivi s-sitwazzjoni?

Bħal dejjem huwa ta’ ferħ kbir għalija li naqsam magħkom dak li ngħaddi minnu. Qed niltaqa’ ma’ nies vulnerabbli. Jiġifieri ma’ nies li għaddejjin mit-trattament tal-marda tal-kanċer. Qed niltaqa’ ma’ nies li, għall-ġid tagħhom, ta’ qrabathom u ta’ kull membru tas-soċjetà Maltija, bħalissa m’għandhomx min iżurhom. Qed niltaqa’ ma’ nies li huma waħidhom! U li għandhom bżonn l-imħabba fraterna ta’ xi ħadd li jkun ħuhom waqt il-vjaġġ iebes li qed iwettqu. Qed niltaqa’ ma’ ħuti li għandhom bżonn ma’ min jitħaddtu. Ixerrdu demgħa. Tbissima. U, anki biss il-fatt li hemm xi ħadd hemm, magħhom u għalihom. Dan jaf ikun biżżejjed! Għalhekk l-għaqal li l-Mulej tani l-grazzja li ngħix f’Sir Anthony Mamo, mit-Tnejn sal-Ħadd, norqod u nqum hawn. Fis-sitwazzjoni tal-Covid-19 il-kunvent fejn ngħix hu Sir Anthony Mamo. Ma’ ħuti l-pazjenti! Kif riedna San Franġisk Missierna! Grazzi Mulej!

Is-sitwazzjoni f’Sir Anthony Mamo hi kalma iżda, wara din il-kalma, hemm tbatija kbira kemm minħabba dak li għaddejjin minnu bit-trattament, kemm bl-inċertezzi dwar il-futur ta’ saħħithom u anki wkoll minħabba l-fatt li l-għeżież tagħhom ma jistgħux iżuruhom bħalissa minħabba l-prekawzjonijiet meħtieġa kontra l-imxija tal-Covid-19.

In-nies kif qed jirreagixxu anke minħabba l-fatt li ż-żjarat mhumiex possibbli? 

Il-pazjenti jixtiequ fuq li jixtiequ li jkollhom l-għeżież tagħhom madwarhom u magħhom. Huwa ta’ faraġ li, minkejja r-restrizzjonijiet li hemm minħabba l-ħarsien tas-saħħa tagħhom, tal-familjari, tagħna l-istaff u tal-poplu Malti kollu kemm hu, ħafna minnhom iċemplu lill-familjari tagħhom jew ikellmuhom minn fuq l-iPad jew l-ismartphone. Hawnhekk ngħid GRAZZI kbira u minn qalbi lill-istaff straordinarju ta’ Sir Anthony Mamo għall-kura li qed jagħtu lill-pazjenti tagħna fuq kull livell. Biżżejjed insemmi l-fatt li jżommu l-pazjenti xummiema u kemm ikellmuhom! U malajr iwieġbu għall-bżonnijiet tagħhom! X’ma jagħmlux għall-pazjenti biex iżommuhom komdi!

Fil-fatt, il-preokupazzjoni tagħhom hi kif se jagħmlu l-ħajja aktar faċli għall-pazjenti tagħna. Veru dawn in-nies huma EROJ SIEKTA u li ħaqqhom kull ammirazzjoni, kuraġġ u sapport minn naħa ta’ kull persuna f’dan il-pajjiż! Dawn in-nies lili qed jagħtuni lil Ġesù ħanin, li tant inħobb!

U, flimkien mal-ħaddiema kollha ta’ Sir Anthony Mamo, mela inklużi dawk ta’ barra s-swali, qed ifakkruni fis-sentenza mill-isbaħ ta’ Ġesù: Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu (Mt 6:2-4).

Prosit ħuti! Kemm qed tgħallmuni, twiddbuni u tinkoraġġuni bl-imġieba ta’ Kristu li tiddi fikom u bikom! U, fuq kollox, GRAZZI minn qalbi li għamiltuni wieħed minn tal-familja għax tifirħu bija, tgħinuni, iżżoqquni, tinkoraġuni, tafdawni, tikkoreġuni, u żżelquli dik il-kelma ta’ għerf kbir fis-sempliċità kollha tagħkom! Insomma, għax Ġesù jgħix fikom, intom il-kanzunetta ħajja ta’ Tina Turner, You’re simply the best! Niżikom ħajr minn qalbi!

X’inhu l-irwol tieghek ġewwa Sir Anthony Mamo u kif qed iżżomm kumpanija ma’ min hu batut? 

Nissejjaħ Fra għax jien ħu kulħadd! L-ewwel tal-pazjenti. Imbagħad tal-familjari tagħhom. Imbagħad tal-istaff kollu kemm fis-swali u anki barra s-swali ta’ Sir Anthony Mamo. Minħabba li l-isptar hu żgħir hawn ħafna ċans li nsiru, bil-grazzja tal-Mulej, familja. U din hi xi ħaġa tassew ta’ ferħ, tama, kuraġġ u ta’ fejqan kbir għalija! Minkejja t-tbatija li hawn.

Għalina, hawn f’Sir Anthony Mamo, ir-relazzjoni tagħna mal-Mulej u bejnietna hi kollox! Għalhekk inħossuna fil-paċi magħna nfusna! F’Sir Anthony Mamo ma timxix bi pjan imma bl-Ispirtu s-Santu! Għalhekk, immur fejn joħodni hu. U meta qed inżur lill-pazjenti, kif mitlub minni bħala kappillan tal-Isptar, qed nobdi sal-anqas qattra d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u anki dak li qed jgħidulna l-awtoritajiet tal-Knisja.

Qed inżomm daqs tlett metri distanza mill-pazjenti. Bil-maskra u l-fardal u l-ingwanti skont il-ħtieġa. Ħasil tal-idejn bis-sapun u l-alkoħol. Sibt pazjenti li xtaqu jkellmuni. U jien smajthom. Pazjenti li riedu jqerru. U qararthom. Pazjenti li riedu jitbierku u berikthom bl-ilma mbierek. Meta jkolli persuni moribondi dejjem nagħmlilhom is-sagrament tad-Dilka tal-Morda, nagħtihom il-barka Apostolika bl-Indulġenza Plenarja, u, sintendi, nitlob ħdejhom il-Kurunella tal-Ħniena Divina. 

Il-pazjenti jridu ħafna l-preżenza tiegħi. Mhux għax din hi tiegħi, Patri Mario, imma ta’ Dak li qed nirrapreżenta bla ma jistħoqqli, Ġesù.. il-King tal-ħniena! Kemm japprezzaw li nberikom bl-ilma mbierek mill-bogħod! Kemm jieħdu gost li jarawni! Imqar ngħidilhom dik il-Hello u nberkilhom minn qalbi lil saħħithom!

“Ma rridx ukoll ninsa’ lill-familjari tal-pazjenti li jkunu qed jieħdu l-aħħar nifsijiet ta’ ħajjithom”

Kemm japprezzaw meta nżurhom u magħhom nitlob il-Kurunella tal-Ħniena Divina magħhom u ma’ l-għeżież tagħhom li jkunu maġenbhom! Kemm jagħmlu kuraġġ meta ngħidilhom li jien kont inżur ta’ kuljum lill-għeżież tagħhom, l-aktar f’dawn iż-żminijiet fejn, minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19 huma ma setgħux jkunu ħdejhom ħa jissaportjawhom!

Ma rridx ninsa’ wkoll l-akkumpanjament tal-istaff fis-swali u barra s-swali. Fis-swali qed ikollna ċans li, bħala staff, nitolbu flimkien. Din il-ħaġa l-istaff tant qed japprezzaha! Ġieli kien hemm min talabni nitlob miegħu u magħha b’mod personali u anki min minnhom ried u riedet iqerr u tqerr. Anki l-istaff ta’ barra s-swali, japprezzaw ħafna li nkellimhom, ngħidilhom hello u nberikom b’talba u, m’għandiex xi ngħidu, bl-ilma mbierek. Dejjem minn distanza ‘il bogħod! Niggustahom meta jgħiduli: Patri! Dak jew dik bgħattlu kollu l-ilma li għandek fuqu u fuqha!

Ħaġa sabiħa li qed ninnota hi kemm il-Patrijiet Kapuċċini Maltin, ħuti, huma apprezzati f’Sir Anthony Mamo! Nifraħ fuq li nifraħ meta jsemmuli lil Patri Vincent Buhagiar, Patri Ilarju Abela, Patri Joe Mallia u tant patrijiet oħrajn li ħaddmu b’tant imħabba ma’ dawn in-nies! Jiena nħossni ferħan għall-Patrijiet Kapuċċini li ħadmu fis-skiet u mingħajr ħafna daqq ta’ trombi u pubbliċità personali. Għal Ġesù ħadmu u mhux għalihom! Nifraħ għall-ġid kbir li l-Mulej għamel b’dawn il-patrijiet u tant patrijiet oħra fl-imgħoddi, nies sempliċi u umli! Għalhekk, qaddisin ta’ veru jimxu fl-art! Prosit ħuti Patrijiet Kapuċċini! Lili, dawn il-Patrijiet Kapuċċini ta’ veru, jgħallmuni: Aħdem fis-skiet u ħobb b’ġesti żgħar u mfawra bl-imħabba! Insomma, kif riedna ngħixu San Franġisk!

Barra minhekk, kull darba li nħares lejn Mater Dei imbierek u nitlob minn qalbi għal Patri Mario Borg, Patri Elmar Pace u Patri Bertrand Vella għax-xogħol fejjiedi u riskjuż li qed iwettqu. Bħalma nbierek lil Patri Bernard Mangion, Patri Gino Ciangura u Patri Leonard Falzon li konna flimkien fit-team f’Mater Dei. Kemm ħadmu dawn il-Patrijiet ġenerużi! Bħalma ħadmu wkoll, fil-passat, Patri Publius Mair u Patri John Vella f’Mater Dei. U nbierek ukoll lil min ħadem u għadu jaħdem fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jiġifieri lil Patri Victor Spiteri, Patri Hayden Williams u Patri Martin Mamo.

Hemm xi esperjenzi li f’dawn iż-żminijiet missew b’mod partikolari lil qalbek, emozzjonawk u se tibqa’ tiftakar? 

Iva. Mara, li kienet għaddejja mill-kalvarju, qaltli, jumejn qabel ma’ ħallietna: Itlob għalija li mmut Patri! Qed inbati wisq! U, esperjenza oħra, kienet dik ta’ raġel li kien irid jgħannaqni akkost ta’ kollox kull darba li kont inżuru fis-sala. X’weġgħa kbira ta’ qalb kienet għalija li ma stajtx ngħannqu ma’ qalbi minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19! Kulma offrejtlu kienu talba u barka bl-ilma mbierek, tbissima u l-quddiesa ta’ kuljum. Sintendi, it-tlieta mgeżwrin fid-dmugħ! Id-dmugħ! Kemm hu meħtieġ id-dmugħ f’Sir Anthony Mamo! Id-dmugħ jagħmilna ta’ Kristu u ta’ qalb il-poplu għażiż tagħna! Nixtieq infakkar ukoll kumment ta’ omm li meta ratni fis-sala qaltli: “Il-preżenta tiegħek ta’ Samaritan it-tajjeb tiswa’ ħafna għalija. Kont l-anġlu tiegħi.” Naf li għadni triq twila ħafna minn dan kollu li qaltli din l-omm imma kliem bħal dan jagħmilli kuraġġ ħa nissokta ngħid lil Ġesù Ħanin: Ġesù ħenn għalija! Midneb! Jiena nafda fik! U hekk nista’ nimxi bil-ferħ u bit-tama fil-Ħniena Divina!

Sport