Thursday, April 16, 2026

‘Is-suċċess jiġi bid-dixxiplina, il-konsistenza u r-rieda li tkompli anke meta jkun diffiċli’ – Chrystal Parnis 

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?

Ilni nittrenja fitness għal aktar minn erba’ snin. Fil-bidu bdejt nammira lil sħabi l-oħra u d-dixxiplina li kellhom lejn dan l-isport. Għall-ewwel ma kontx naħseb li nista’ nasal jew insib il-ħin u d-dixxiplina li hemm bżonn. Imma jum wara l-ieħor din ix-xewqa bdiet tikber, sakemm fl-aħħar ħadt id-deċiżjoni u applikajt għall-ewwel HYROX tiegħi ma’ waħda mill-aqwa ħbieb tiegħi, tmien ġimgħat biss qabel it-tellieqa. Minn dakinhar ‘il quddiem qatt ma ħarist lura. Kuljum nipprova nkun aħjar milli kont ilbieraħ.

Kif tiddeskrivi l-aktar mumenti speċjali tiegħek fil-HYROX s’issa?

Għalkemm għadni relattivament ġdida f’dan l-isport, diġà tani sodisfazzjon kbir u għext tliet esperjenzi differenti li jibqgħu għal qalbi. L-ewwel tellieqa tiegħi tibqa’ dejjem speċjali, konna żewgt ihbieb, qed inlaħħqu mal-familja, ix-xogħol u t-taħriġ. Minkejja kollox irnexxielna nsibu l-ħin u mhux biss għamilniha, iżda għamilna ħin aħjar milli stennejna u ksibna s-sitt post minn 62 tim. Dak il-mument meta qsamna l-finish line ħassejt li nxtegħlet passjoni ġdida għal dan l-isport.

It-tieni tellieqa kienet Mixed Doubles mar-raġel tiegħi, esperjenza tassew speċjali għalija, mhux biss bħala atleta imma wkoll fuq livell personali. Li naqsmu din l-esperjenza flimkien, nappoġġjaw lil xulxin u nilħqu din l-isfida bħala koppja kienet memorja li se nibqa’ ngħożż għal dejjem.

Ftit sigħat biss wara, ingħaqadt ma’ team tal-Vitera għall-Invitational Relay, u hemmhekk ħassejt l-akbar sodisfazzjon tiegħi s’issa. Dan kien ukoll l-ewwel podium tiegħi fil-HYROX, li jagħmilha aktar speċjali għalija. Id-determinazzjoni u l-imħabba lejn l-isport rebħu kull dubju u għejja, u bħala tim irnexxielna niksbu t-tielet post fost l-aqwa 12-il klabb. Kien unur għalija li nikkompeti ma’ atleti tant bravi u dedikati.

Barra minn hekk, riċentement bdejt nieħu sehem ukoll f’tellieqiet ta’ 5km fit-triq, li tawni sodisfazzjon kbir hekk kif irnexxieli nikseb it-tielet u t-tieni post overall minn nisa. Il-ġiri huwa parti importanti ħafna mill-HYROX, u dawn it-tellieqiet qed jgħinuni nittestja lili nnifsi u nkompli ntejjeb il-livell tiegħi.

Meta nikkunsidra li l-ewwel tellieqa tal-HYROX tiegħi kienet biss ftit xhur ilu, inħossni grata u motivata ħafna biex inkompli nitgħallem u nitjieb.

Kif tqis il-livell tal-HYROX f’pajjiżna fil-preżent?

Naħseb li l-livell tal-HYROX f’pajjiżna bħalissa qed jitla’ b’mod qawwi ħafna. Qed naraw atleti b’talent kbir u dedikati li mhux biss qed itejbu l-livell lokalment, imma wkoll qed jagħmlu isem għal Malta fuq livell internazzjonali. Dan hu ta’ motivazzjoni kbira għal min bhali għadu ġdid f’dan l-isport.

Fl-istess ħin, qed tinħass aktar għaqda u komunità sabiħa bejn l-atleti, fejn kulħadd jinkoraġġixxi lil xulxin u jgħin biex kulħadd jitjieb. Personalment, dan naraħ ħafna fil-gym fejn nitħarreġ, Vitera Health and Fitness, fejn hemm ambjent ta’ sapport u motivazzjoni kontinwa li verament jgħinek timxi ‘l quddiem.

Nemmen li jekk inkomplu hekk, il-livell se jkompli jogħla u Malta se tkompli tkun rappreżentata b’saħħitha ħafna barra minn xtutna.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Bħalma għidt, il-livell f’Malta huwa diġà tajjeb ħafna u hemm potenzjal kbir li jkompli jitjieb. Nemmen li biex dan iseħħ ikun ta’ għajnuna kbira jekk ikollna aktar investiment fir-riżorsi, bħal faċilitajiet aktar speċifiċi għall-HYROX, spazji akbar u mgħammra apposta biex jixbħu kemm jista’ jkun il-kundizzjonijiet tat-tellieqa.

Ikun tajjeb ukoll li naraw aktar kompetizzjonijiet lokali jew events organizzati b’mod regolari, biex l-atleti jkollhom aktar opportunitajiet fejn jittestjaw lilhom infushom u jiksbu esperjenza. Barra minn hekk, aktar exposure u appoġġ, anke minn sponsors jew entitajiet sportivi jistgħu jagħmlu differenza kbira biex dan l-isport ikompli jikber.

Nemmen li għandna l-atleti u d-determinazzjoni kollha li hemm bżonn, issa jekk inkomplu nsaħħu r-riżorsi u l-opportunitajiet, il-livell jista’ verament jitla’ għal ieħor.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-HYROX?

Qed inħares lejn il-futur tiegħi fil-HYROX b’mod realistiku, li nimxi bil-pass tiegħi, inkompli ntejjeb lili nnifsi u nitgħallem aktar minn kull esperjenza. Nemmen ħafna fil-konsistenza u d-dixxiplina, u li pass pass tista’ tasal fejn trid.

Fil-futur qrib nixtieq nibda nikkompeti fuq livell internazzjonali, mhux biss biex nittestja lili nnifsi f’dak il- livell, imma wkoll biex nikber aktar bħala atleta u nġib aktar esperjenza.

Fuq kollox, irrid inkompli nieħu gost b’dan l-isport u nara sa fejn nista’ nasal bl-impenn u d-dedikazzjoni li qed nagħti.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-HYROX.

Il-messaġġ tiegħi lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-HYROX huwa wieħed sempliċi – Ibda. Ma tridx tkun perfett jew lest 100%, imma trid tkun lest li tipprova u ma taqtax qalbek. Is-suċċess jiġi bid-dixxiplina, il-konsistenza u r-rieda li tkompli anke meta jkun diffiċli.

Importanti ħafna li timxi bil-pass tiegħek u ma tqabbilx lilek innifsek ma’ ħaddieħor. Kull atleta għandu l-vjaġġ tiegħu, u kull pass ‘il quddiem hu progress.

Jekk mqar irnexxieli ninfluwenza anke persuna waħda biex tibda tagħmel fitness jew tieħu ħsieb aktar saħħitha, diġà nqis dan bħala suċċess għalija. Għax fl-aħħar mill-aħħar, mhux biss dwar kompetizzjoni, imma dwar kif nispiraw lil xulxin biex inkunu aħjar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport