Sunday, December 22, 2024

IS-SUĊĊESS TAL-KUNTENTIZZA LIL HINN MILL-OGĦLA MARKI FIL-KLASSI

Aqra wkoll

L-edukazzjoni bħala pilastru importanti fl-istrutturar tal-binja tal-valuri li jgħinuna nsiru rġiel u nisa hija xi ħaġa li nisimgħu dwarha ta’ kuljum. L-edukazzjoni m’għandhiex tkun biss il-kotba jew it-tagħlim li skont ir-rutina akkademika nirċievu minn wara l-mejda fil-klassi. L-edukazzjoni m’għandhiex tkun ibbażata biss fuq min jiġi fost l-ewwel tlieta fil-klassi jew min jirnexxielu jifhem l-ewwel, b’oħrajn sfortunatament jitħallew jaqgħu lura minħabba din l-ideoloġija.

Il-ġimgħa li għaddiet bħala parti mill-attivitajiet tal-ġimgħa ddedikata lis-servizz pubbliku, ingħataw rikonoxximent persuni li minkejja l-livelli edukattivi varji tagħhom f’setturi varji, għarfu jiddistingwu ruħhom fuq il-post tax-xogħol. Fost dawk li ngħataw kien hemm Assistenta Kap ta’ skola li tkellmet dwar dak li hi temmen li kien kruċjali biex bħala skola ddistingwew ruħhom minn skejjel oħra fuq livell edukattiv. Tkellmet dwar it-21st Century Skills fejn il-klijenti tagħhom, li huma l-istudenti, jiġu megħjuna biex jingħataw għarfien lil hinn minn dak li nitgħallmu biex inpoġġu għall-eżamijiet tal-Malti, l-Ingliż, il-Matematika, x-Xjenza u minjaf kemm iżjed suġġetti li tagħhom ningħataw marka li tpoġġina fi klassifika li jaf ma tgħid xejn dwar il-kwalitajiet ta’ kull wieħed u waħda minna.

Nemmnu dwar dan il-kunċett fejn l-istudent jingħata għarfien kif jaħseb u jiddeċiedi f’sitwazzjonijiet fil-ħajja ta’ kuljum meta affrontat bi sfidi li kapaċi toffri l-maturità. X’jiswa li jkollok l-aħjar ċertifikat? X’jiswa li tkun kaxkart l-eżamijiet kollha u qbiżt bil-bosta lil dawk kollha li jkunu qegħdin f’din il-“kompetizzjoni” ta’ nofs jew l-aħħar tas-sena li fi żmienhom ħafna jkunu bbumbardjati minn jiem qabel biex jiksbu l-aqwa riżultati jekk mal-ewwel għawġ tal-ħajja ma nkunux b’saħħitna biex nidrittaw?

Minkejja l-ħiliet tal-istudenti li qegħdin ikomplu jiżdiedu, b’firxa aktar wiesgħa ta’ suġġetti u opportunitajiet biex nitgħallmu, sfortunatament għadna qegħdin naffaċċjaw żieda fir-rata ta’ żgħażagħ li jgħidulek li mhumiex sodisfatti bil-kisbiet tagħhom u rata għolja inġenerali ta’ persuni li quddiem din l-istampa jagħżlu li jtemmu l-kapitlu tagħhom.

Is-suwiċidju hija xi ħaġa inkwetanti mmens. Għalkemm sar progress u sar hawn għajnuna, nemmnu li l-ewwel u l-aqwa sokkors jista’ jingħata minn dawk ta’ ġewwa. Persuna li tasal biex tagħmel suwiċidju ma tiħux din id-deċiżjoni minn issa għal issa u għalhekk tajjeb li bħala soċjetà nkunu hemm għal xulxin. Persuna mnikkta dejjem għandha bżonn lil min jismagħha u meta dan iseħħ m’hemmx lok biex ninġarru mill-ħajja mgħaġġla u ngħidu “U iva imbagħad inkellmu” jew “U iva mbagħad naraw għada”. 

Nemmnu bis-sħiħ dwar il-ħiliet ulterjuri fl-iskejjel fejn fost affarijiet oħra l-edukaturi tagħna jkollhom għajnuna minn barra l-iskejjel biex jingħataw lezzjonijiet bħal dawk li jitrattaw l-immaniġjar tal-burdata, kif nikkontrollaw ir-rabja tagħna, kif nikkontrollaw il-ħsibijiet u kif ma nitħallewx negħrqu qal il-ħsibijiet koroh li jistgħu jidhru bħala t-triq il-faċli li fil-verità tħalli ferita miftuħa fost dawk l-aktar għeżież tagħna.

Nemmnu li l-valuri li ningħataw minn ċkunitna nibqgħu nħaddnuhom u għalhekk tajjeb li l-edukazzjoni tfakkarna dwar dan il-kunċett li nieħdu ħsieb xulxin għax fil-verità bħalma darba kiteb il-poeta Ingliż John Donne “no man is an island” u għalkemm persuna tista’ tkun qiegħda titbissem minn barra, fuq in-naħa ta’ ġewwa mhux dejjem faċli biex nikkontrollaw il-ħsibijiet li jtaqqluna quddiem l-isfidi tal-ħajja.

Ekonomija

Sport