Marcio Freire tilef ħajtu huwa u jipprova jirkeb mewġ famuż li jkun għoli ħafna f’bajja fil-Portugall.
Magħruf fost l-entużjasti tal-passatemp tas-surfing bħala “Mad Dog”, Freire miet fl-età ta’ 47 sena wara li waqa’ minn mewġ għoli ħafna waqt is-surfing f’Praia do Norte.
Membri tas-salvataġġ irnexxielhom iwassluh sa fuq il-bajja, iżda sfortunatament huwa kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Huwa kien wieħed mit-tliet Brażiljani li saru magħrufa bħala l-“Mad Dogs”. Dawn kien irnexxielhom jirkbu b’suċċess mewġa ġganteska bl-isem ta’ “Jaws” fil-Hawaii.