Friday, December 13, 2024

“Isem Malta se jerġa’ jingħata l-fiduċja mistħoqqa”

Il-GWU tilqa’ b’mod pożittiv it-tneħħija ta’ Malta mil-lista l-griża tal-FATF

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-aħbar li qiegħda fuq fomm kulħadd hija dik li f’vot sigriet il-Financial Action Task Force (FATF) neħħa lil pajjiżna mil-lista l-griża. Sena wara pajjiżna ntalab jagħmel għadd ta’ bidliet u riformi fis-settur finanzjarju, pajjiżna reġa’ kiseb il-fiduċja tant importanti għall-ekonomija tagħna. 

Il-General Workers’ Union laqgħet b’mod pożittiv it-tneħħija ta’ Malta minn din il-lista u f’kumment li ta lil dan is-sit, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, fisser l-importanza ta’ dan il-pass li se jgħin lill-ħaddiema kif ukoll lin-negozjanti.

“Issa, wara 12-il xahar, isem Malta se jerġa’ jingħata l-fiduċja mistħoqqa. Il-ħidma li għamilna lkoll flimkien, anke bħala sħab soċjali fl-MCESD, għandha tgħin biex pajjiżna jerġa’ jingħata l-kredibbiltà bħala istituzzjoni serja, bħala pajjiż li tista’ taħdem miegħu u li tista’ tinvesti fih,” iddikjara Bugeja.

“PASS IMPORTANTI LI SE JGĦIN KEMM LILL-ĦADDIEMA KIF UKOLL LIN-NEGOZJANTI”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU żied jgħid li, “tajna impenn ċar lill-FATF u l-bqija tal-pajjiż bir-riformi li għamilna.”  Huwa qal li importanti li r-riformi li saru jibqgħu għaddejjin bil-għan li nkomplu nsaħħu lil pajjiżna b’serjetà. Fil-istess waqt, saħaq li rridu nkunu prattiċi ħalli ma nxekklux it-tkabbir tal-ekonomija u l-investiment.

Josef Bugeja temm jgħid li dan il-pass għandu jkompli jgħin fl-irkupru u t-tkabbir ekonomiku lokali f’dawn iż-żminijiet eċċezzjonali li għaddejjin minnhom.

Malta tneħħiet mil-lista l-griża tal-FATF wara vot sigriet li ttieħed nhar l-Erbgħa fi plenarja li ttellgħet f’Berlin, fil-Ġermanja. Erba’ xhur ilu l-FATF kienet diġà għaddiet kummenti pożittivi meta indikat li pajjiżna wettaq ir-riformi meħtieġa u indirizza n-nuqqasijiet li kien hemm. Dan il-vot se jkun ikkonfermat f’komunikat uffiċjali llum. 

Il-Prim Ministru Robert Abela bħala Gvern jirrispetta l-prinċipju tal-kunfidenzjalità, prinċipju li huwa wiegħed u li se jżomm filwaqt li  kkonferma li l-proċess ta’ riformi se jkompli għaddej bil-għan li nkomplu nsaħħu lil pajjiżna bħala ġurisdizzjoni serja.

Ekonomija

Sport