Sunday, December 29, 2024

ISHMA VERSU ĊEDOLI TA’ SELF

Aqra wkoll

Bl-aktar mod ċar, l-azjendi privati Maltin jippreferu li meta jmorru fil-Borża ta’ Malta jagħmlu dan biex ibigħu ċedoli ta’ self, mhux ta’ ishma. Jagħmlu hekk għax qed jimmiraw li jżidu l-kapital għad-dispoiżizzjoni tagħhom mingħajr is-sikkatura tal-banek. Fl-istess ħin, iżommu flessibilità fl-operat tagħhom u forsi jnaqqsu fl-ispiża tal-imgħaxijiet.

Jintwera ftit li xejn interess fil-ħruġ ta’ ishma. Dan jitqies problematiku għax miegħu iġib tnaqqis fil-kontroll tas-sidien eżistenti fl-impriża tagħhom, ħaġa li hi totalment inaċċettabbli. Biss forsi qed isiru żbalji kbar meta l-ħruġ ta’ ishma jitwarrab. 

Jeżistu ħafna metodi kif anke bil-ħruġ tagħhom, ċerti kontrolli fuq it-tmexxija ta’ azjenda jistgħu jibqgħu f’idejn l-investituri oriġinali. F’perspettiva medja u tat-tul, ishma ġodda jistgħu ipoġġu ħafna anqas piżijiet fuq azjenda milli jagħmlu self bankarju jew ċedoli ta’ self.

Il-kumpaniji Maltin, kbar u żgħar għadhom bogħod milli jaċċettaw dil-ħaġa. Hi attitudini li tipprevali wkoll fost bosta azjendi Ewropej.

REGOLI TAL-EWRO

Id-diskussjonijiet dwar il-bidla fir-regoli tat-tmexxija taż-żona tal-ewro għadhom għaddejja. Saru aktar komplikati u (fil-fehma tiegħi) aktar opaki. Konsiderazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji, socjali, ambjentali, politiċi baqgħu jitħabblu flimkien sa fid-dettalji tekniċi li jiġu diskussi.

Mhux l-ewwel darba għedt kif dal-proċess kollu jfakkarni fil-kontroversji li kienu jiddelettaw bihom it-teologi tal-Medju Evu. Matulu – bħal fil-kontroversji tal-lum – inħoloq lingwaġġ tekniko-politiku li jfisser ħafna għal min jinqeda bih, ftit li xejn għal min jinsab barra mill-proċess.

Fuq kollox, baqgħu jitqalu d-dubji dwar kif dil-“muntanja” ta’ laqgħat, proposti, kummenti u kontra-proposti hijiex se tispiċċa twelled ġurdien tal-imramma. Anke meta ngħid  hekk, qed nirrepeti ruħi.  

KULTURA

Li n-nefqa fuq il-kultura saret u baqgħet sostanzjali hi ħaġa tajba ħafna. Wasslet biex il-firxa tal-ħidma kulturali tikber b’għażla dejjem usa’ ta’ proġetti.

Jibqgħu l-mistoqsijiet: 

X’tip ta’ ħidma kulturali l-aħjar tintgħażel? Dik li temfasizza l-espressjoni artistika li tinsab ankrata fir-realtajiet tal-pajjiż? Jew l-oħra li tfittex irbit ma’ forom ta’ arti li qed jinfirxu internazzjonalment, jekk mhux fuq skala globali?

Min-naħa l-oħra, x’bilanċ għandu jinżamm bejn espressjoni artistika popolari u dik aktar minoritarja, forsi karikaturata mill-ħsieb li hi għodda tal-elites? Dal-bilanċ għandu jiġi “ggwidat”,  jew jitħalla jiżviluppa waħdu?

Imbagħad: X’bilanċ qed jinżamm? – bejn l-arti u l-attività kulturali ġodda, u l-ħolqien u l-istili tal-ġenerazzjonijiet imgħoddija. Daqskemm ma jkunx tajjeb li l-imgħoddi jitħalla jiddomina x-xena tal-lum, daqshekk ieħor ir-realtajiet tal-lum ma jridux jitħallew jidhru qishom huma żviluppi efemeri, bla għeruq fil-ħajja tas-soċjetà għax inessu jew insew l-imgħoddi.

Mhux dejjem jingħataw tweġibiet ċari għal dawn il-mistoqsijiet.

Ekonomija

Sport