Saturday, December 21, 2024

Isibulu 13-il qartas bil-kokaina moħbija fil-power bank meta kien qed jiddaħħal il-ħabs

Jibda jinstema’ l-każ ta’ ħames persuni akkużati b’rabta mas-sejba ta’ 14-il kilo droga

Aqra wkoll

Il-Qorti semgħet kif raġel li qed iwieġeb mhux ħati għal akkużi dwar traffikar ta’ droga, allegatament inqabad bi 13-il qartas kokaina moħbija fil-power bank waqt li kien qed jiddaħħal fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L-Ispettur Jonathan Cassar spjega kif id-droga nstabet moħbija fil-power bank li Aleksandar Vujakovic kellu fuqu meta kien qed jiġi trasferit lejn il-Faċilità u wara li ġew skennjati l-oġġetti personali tiegħu.

Din id-droga ġiet ikkonfiskata u l-Maġistrat inkwerenti kienet infurmata b’din is-sejba. Il-power bank ta’ Vujakovic kienet fost l-oġġetti personali li l-pulizija kkonfiskat wara li arrestaw lill-imputat u erba’ oħra b’rabta ma’ sejba ta’ seba’ kilogrammi kokaina u seba’ kilogrammi kannabis.

Il-Pulizija mbagħad kienu għaddew l-oġġetti lill-uffiċjali tal-ħabs wara li l-ħames persuni kienu nżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Kien hawn fejn l-oġġetti ta’ Vujakovic kienu skennjati u nstabet id-droga.

Aleksandar Vujakovic, flimkien ma’ ħuh Nikola, Sara Lerinc, Salvatore Rogazione u Goran Davkovsi qed iwieġbu mhux ħatja dwar l-allegat involviment tagħhom f’organizzazzjoni kriminali, traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus. L-imputati kienu arrestati wara operazzjoni mill-pulizija li saret aktar kmieni dan ix-xahar.

L-Ispettur Cassar spjega fil-Qorti kif il-pulizija kienu nnutaw lil Nikola Vujakovic jersaq lejn Peugeot f’għalqa f’Ħaż-Żabbar nhar il-5 ta’ Ottubru li għadda, joħroġ xi basktijiet minn ġo fiha u wara telaq minn fuq il-post.

L-għada, Nikola reġa’ mar fl-istess post, din id-darba fuq il-mutur u miegħu kellu lis-sieħba Lerinc. Huwa deher joħroġ basket mill-karozza Peugeot u mbagħad telaq lejn Wied il-Għajn fejn l-uffiċjali nnutawh jitfa’ xi ħaġa mal-art fuq il-parapett ta’ residenza.

Raġel ieħor deher jiġbor dan il-basket u daħal fil-blokka ta’ appartamenti. Kien hawn fejn l-Ispettur ħareġ ordni biex dan tal-aħħar ikun arrestat, li rriżulta li kien Rogazione. Huwa kien ikkopera mal-pulizija u qalilhom li l-pakkett kien taħt is-sodda. F’dan il-basket kien madwar kilogramma kokaina.

Sussegwentement, il-Pulizija marret f’residenza f’Ħaż-Żabbar fejn hemmhekk arrestat lil Aleksander waqt li dan kien ħiereġ kif ukoll lil Nikola Vujakovic u lis-sieħba Lerinc. Intqal li fir-residenza, il-Pulizija sabet diversi dokumenti ffalsifikati, fosthom wieħed ta’ Davkovski, munizzjon, arma tan-nar, kannabis, flus kontanti u ċwievet.

Nikola Vujakovic qal lill-pulizija li l-flus, madwar €15,000, kienu ġejjin mill-bejgħ ta’ proprjetà fis-Serbja. Intant, fil-karozza Peugeot, il-pulizija sabet madwar ħames kilogrammi kokaina u żewġ kilogrammi oħra kannabis.

Il-Pulizija komplew bit-tfittxijiet tagħhom, din id-darba fir-residenza fejn Aleksander Vujakovic kien irreġistrat li joqgħod fiha. Davkovksi deher ħiereġ minn din ir-residenza u ġie arrestat minnufih. Fl-istess residenza nstabu madwar kilogramma kokaina, ħames kilogrammi kannabis.

Meta kien qed jiġi interrogat mill-pulizija, Rogazione kien spjega li huwa kien qed joħroġ iż-żibel barra meta xi ħadd qallu biex jiġbor il-pakkett. Qal li ma kellux idea x’kien fih u ma identifika lill-ebda persuna minn dawk li kienu arrestati.

Meta mistoqsi dwar l-allegat rwol ta’ Lerinc, l-Ispettur Cassar qal li hija kienet ma’ Vujakovic meta marru jiġbru d-droga u ħallewha f’post ieħor, liema droga allegatament instabet fir-residenza tiegħu fejn kienu arrestati.

Il-każ ikompli.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca, Jonathan Cassar, Jonathan Pace u Oscar Baldacchino flimkien mal-Avukat Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukati Franco Debono, Alfred Abela u Rene Darmanin dehru għal Nikola Vujakovic, Aleksandar Vujakovic u Sara Leric. L-Avukat Charles Mercieca deher għal Goran Davkovski mentri l-Avukat Julia Micallef Stafrace assistiet lil Salvatore Rogazione.

Ekonomija

Sport