Raġel kellu jiddaħħal l-Isptar Mater Dei b’urġenza wara li għall-ħabta tat-3:15 a.m kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq Diċembru Tlettax, il-Marsa.
Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li Eritrean ta’ 31 sena residenti Ħal Far kien intlaqat minn Suzuki Swift li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 32 sena residenti ż-Żejtun.
Il-barrani ngħata l-għajnuna minn tim mediku fil-post sakemm seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard irriżulta li r-raġel kien sofra minn ġrieħi ta’ natura serja.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.