Saturday, May 18, 2024

MAFA: Tal-Qroqq Versity Kamelasa jwaqqfu l-mixja ta’ San Ġiljan Saints

Aqra wkoll

Tal-Qroqq Versity Kamelasa waqqfu l-mixja pożittiva ta’ San Ġiljan Saints fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA u rebħulhom bl-iskor ta’ 3-1. Din kienet it-tieni telfa staġjonali għas-Saints bit-tieni taqsima li kienet fatali għalihom tant li qalgħu żewġ gowls.

David Bohan fetaħ l-iskor wara tmien minuti għall-Versity iżda Ionut Popescu ġab l-iskor indaqs għas-Saints minuta wara. It-tim minn Tal-Qroqq inbidel mil-lejl għan-nhar hekk kif skorjaw darbtejn oħra permezz ta’ Marius Alhgrimm u Peter Khiev li taw rebħa għat-tim tagħhom. Għal Tal-Qroqq Versity Kamelasa, din kienet rebħa importanti sabiex ikomplu jissieltu kontra r-relegazzjoni.

Referi kien Georgi Bitri.

Senglea Gunners laħqu lil San Ġiljan f’ras il-klassifika wara dro ta’ mingħajr gowls kontra Marsa St Michael. It-tim mill-Kottonera m’għarafx jieħu vantaġġ mit-telfa tar-rivali tagħhom aktar qabel hekk kif naqsu milli jitilgħu waħedhom fl-ewwel post u setgħu jikkuntentaw ruħhom b’punt. Għal Marsa dan kien it-tieni dro konsekuttiv sabiex baqgħu fil-ħames post tal-klassifika bi 13-il punt.

Fil-partitissima ta’ tmiem din il-ġimgħa, gowl uniku ta’ Tyron Borg f’nofs l-ewwel taqsima kien biżżejjed sabiex Valletta St Pauls jegħlbu lil Żurrieq Sunrise. Dawn it-tliet punti kienu jfissru ħafna għat-tim mill-kapitali li mhux biss qabżu lill-istess Żrieraq fil-klassifika iżda wkoll jinsabu fit-tiġrija għat-titlu hekk kif issa jinsabu biss tliet punti bogħod miż-żewġ timijiet ta’ quddiem.

Referi kien Jonathan Balzan.

Wirja tajba fit-tieni taqsima għenet lil Valletta Stars jegħlbu lil Qormi Hotspurs 4-0. Dan ir-riżultat kien ifisser ukoll li l-Qriema ġew awtomatikament relegati għat-tieni diviżjoni hekk kif naqqsu milli jiksbu xi punti wara 11-il logħba.

Wara taqsima fejn ma kellniex gowls, l-Istilel Beltin marru minn fuq fl-40 minuta permezz ta’ Jon Fernandes. Tmien minuti wara huma rduppjaw l-iskor permezz ta’ Deisler Conti b’Dusan Petrovic jiskorja t-tielet gowl mas-siegħa logħob. Taylor Mizzi ssiġġilla r-rebħa lejn l-aħħar.

Referi kien Alex Grech.

Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Swieqi Braves ħadu walk-over fuq Floriana Fsobians minħabba li dawn tal-aħħar ma tfaċċawx fil-grawnd ta’ Marsaxlokk. B’hekk Swieqi ħadu rebħa ta’ 2-0 filwaqt li l-Furjaniżi wara li taw it-tieni walkover konsekuttiv, skont l-istatut tal-MAFA ġew imwaqqfa awtomatikament milli jkomplu jikkompetu f’dan l-istaġun.

Fl-istess waqt, Ta’ Ġiorni Wanderers setgħu jiġu biss fi dro ta’ 0-0 kontra Birkirkara St Joseph f’partita fejn iż-żewġ difiżi kienu aħjar mill-attakkanti rispettivi. Dan ir-riżultat ftit niżel tajjeb mal-Wanderers li naqsu li jitilgħu fl-ewwel post tal-klassifika flimkien ma’ Żabbar Southsiders bil-Karkariżi li issa jinsabu t-tielet mill-aħħar.

Referi kien Joe Camilleri.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

San Ġiljan Saints , Senglea Gunners 25, Valletta St Pauls 22, Żurrieq Sunrise 21, Marsa St Michael 13, Valletta Stars, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 10, Qormi Hotspurs 0.

Sport