Żagħżugħ kellu jiddaħħal l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’urġenza wara li lbieraħ għall-ħabta tal-11:00 a.m kien involut f’inċident li seħħ fi Triq is-Sagħtrija fiż-Żebbuġ Għawdex.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li żagħżugħ ta’ 25 sena residenti n-Naxxar kien waqa’ bi quadbike tal-għamla CFMoto li kien qed isuq.
Fil-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li assistew liż-żagħżugħ sakemm ittieħed lejn l-Isptar għal aktar kura. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech li ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.