Thursday, April 25, 2024

“Kif ġew it-Talibani għalaqna l-iskola… l-għalliema u l-familja ħarbu fil-muntanji”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat kompliet is-sitwazzjoni ta’ tensjoni fl-Afganistan b’eluf kbar ta nies jippruvaw joħorġu mill-pajjiż. Is-sitwazzjoni barra l-ajruport ta’ Kabul baqgħet waħda ta’ tensjoni b’ħafna nies jistennew barra l-ajruport jew fil-periferiji tiegħu. Lil hinn minn dan iżda hemm is-sitwazzjoni f’żoni oħra l-barra minn Kabul, sitwazzjoni li ftit li xejn smajna dwarha. Il-mistoqsija hi x’qed jiġri fi bliet u villaġġi f’żoni diversi tal-Afganistan li llum kkontrollati mit-Talibanu li issa ilhom għal diversi jiem li waqgħu f’idejhom?  Talk.mt tkellem ma’ Mania Faivi Najva, li kienet fundatriċi ta’ skola f’Samangan li tinsab fin-naħa ta’ fuq tal-Afganistan. Tgħidilna b’mod ċar li s-sitwazzjoni hi dik ta’ kriżi umanitarja. “Ninsab inkwetata immens. L-iskola tagħna li fiha kienu jiġu studenti bniet, kellna nagħlquha kif ġew it-Talibani. L-għalliema ħarbu u marru jistaħbew. Ħafna familji ħarbu lejn il-muntanji. It-Talibani kienu qed iduru dar dar”.

Mania tgħid lil dan is-sit li “hi prattika li qed titmexxa mit-Taliban kull fejn jidħlu qed imorru jħabbtu fuq il-bibien tan-nies. Jidħlulek ġewwa u jibdew jiċċekkjaw kollox. Jekk tkun għalliema jew ġurnalist jew xi ħaddiem tal-gvern, iċ-ċans hu li jisparawlek fuq il-post jew jaħtfuk. L-aktar vittmi ta’ dan huma nisa u tfal.

Milli qed nisma’ u mill-kuntatti li għandi, ħafna Afgani, wara dak li seħħ fl-aħħar jiem, qed jispiċċaw jaħarbu lejn il-muntanji jew żoni fil-kampanja.  Jitilqu u jaħarbu u jħallu kollox warajhom. Kien hemm każi fejn nies jispiċċaw jaħarqu dokumenti importanti minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom biex it-Taliban ma jsibuhomx. Meta jaħarbu biex isibu kenn f’xi post remot, dawn jispiċċaw bla ikel jew b’nuqqas ta’ ikel. Ħwejjeġ ikollhom mill-inqas. Dawn qed jaħarbu b’mod mgħaġġel u ftit li xejn jieħdu affarijiet magħhom. Hi deċiżjoni iebsa li tmur tgħix fil-muntanji jew f’postijiet remoti.”

Tenfasizza li “jien kont ngħix fin-naħa ta’ fuq tal-Afganistan.   Il-post jismu Samangan u jinsab ftit biss bogħod mit-tieni l-akbar belt Mazar el Sharif.  Jien għandi skola għall-bniet u fiha għandi madwar 250 studenta.  Sfortunatament kellna nagħlquha. Kif ġew it-Taliban ingħalqet. Bdew ifittxu min huma is-sidien u l-għalliema ta’ din l-iskola. Il-prattika hi li joqtluhom. Kollox spiċċaw jistaħbew biex it-Taliban ma jsibuhomx.  Ninsab inkwetata ħafna. Qed nipprova niġbor il-flus għalihom. NIrringrazzja lill-ġurnal tagħkom talli qed tipprovaw twasslu il-karba tagħna.” 

Fl-ajruport ta’ Kabul mietu 40 persuna

Manija meta tkellmet ma’ Talk.mt qalitilna li “xejn inqas minn 40 persuna. Dan waqt li l-armata Amerikana kienet qed tikkontrolla l-ajruport. Kienu nies li kienu qed jaħarbu. Kienu imkwetati għal ħajjithom u ħajjet il-qraba tagħhom u ppruvaw joħorġu mill-pajjiż. Kellek nies li kellhom id-dokumenti u marru l-ajruport. Kien hemm ħafna oħrajn imma li ma kellhom ebda dokumenti imma marru xorta bil-għan li forsi jittellgħu fuq xi ajruplan. Quddiem dak li ġara, irridu niddiskutu għaliex ġew sparati tiri lejhom mis-suldati. Min hu responsabbli għal dawn il-ħajjiet? Fejn huma l-għaqdiet umanitarji u dawk li jiġġieldu għad-drittijiet tal-bniedem? Għaliex ma tkellmux? Nittama li xi ħadd jitkellem”.

Fil-bidu ta’ Awwissu attakki qawwija mit-Taliban f’Samangan… ħafna ħarbu

Tkompli tgħid li “kollox ġara malajr ħafna. Kien fl-ewwel jiem ta’ Awwissu meta fil-provinċja ta’ Samangan, beda ġlieda qawwi wara attakki mit-Talibani. Ħafna familji ħallew kollox warajhom u telqu lejn villaġġi fil-qrib. Dawn huma familji li għandhom bżonn assistenza. Ftit qed jinstemgħu. Familji bogħod minn għajnejn kulħadd. Din hi kriżi umanitarja li għaddejja fl-Afganistan. Il-kunflitt li hemm ħalla ħafna familji bla ikel, bla ilma u bla mediċini.  F’Samangan m’hawn ebda post sigur għal dawn il-familji”, tgħidilna Manija Faizi Najva.

Sport