Illum saret l-ewwel laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista wara li ntemm il-proċess elettorali. Dan il-proċess wassal għall-elezzjoni ta’ 42 kandidat f’isem il-Partit Laburista.
Il-laqgħa nfetħet b’diskors mill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela li fisser ir-rwol importanti li għandu l-Grupp Parlamentari Laburista fit-twettiq tal-manifest elettorali Int Malta. Dr Abela sostna li Gvern Laburista għandu iktar minn 1,000 proposta li se jwettaq u qal li fl-ewwel 100 jum se jkompli jingħata sinjar ċar kemm dak imwiegħed se jitwettaq għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.
Elenka fost l-oħrajn id-direzzjoni li diġà ngħatat fl-ewwel laqgħa tal-Kabinett biex in-nies ikollhom iktar serħan il-moħħ fuq kwistjonijiet li jolqtu niċeċ differenti tas-soċjetà, liġijiet biex isaħħu l-ugwaljanza u riformi oħra meħtieġa, fosthom fil-qasam tal-IVF.
Il-Prim Ministru qal li bit-tim ta’ Ministri, Segretarji Parlamentari u Deputati, u konxju tal-fiduċja b’saħħitha li ngħatat mill-poplu lil dan il-Gvern, se tkompli l-ħidma li tinkwadra fil-Viżjoni Malta 2050, b’enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja u l-benesseri tal-familji kif imwiegħed permezz tal-wellbeing index, li kienet proposta ewlenija fil-manifest.
Matul din il-laqgħa, Dr Naomi Cachia nħatret bħala Whip tal-Gvern, filwaqt li d-Deputat Whip se tkun Dr Fleur Abela. Il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari saret qabel il-ftuħ uffiċjali tal-Parlament, meta l-kandidati eletti se jingħataw il-ġurament tal-ħatra fil-Kamra tar-Rappreżentanti f’ċerimonja li se ssir nhar is-Sibt filgħodu.

