Saturday, October 26, 2024

It-table football hija logħba ħajja u mhux virtwali – Jason Pisani

Parti essenzjali mit-tim ta’ Bormla SC li jinsabu rrenkjati fl-ewwel post fid-dinja.

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-table football?
Kont bdejt nipprattika t-Table Football ta’ xi 11-il sena ma’ xi ħbieb. Dak iż-żmien, kien magħruf bħala “Subbuteo”, għax hekk kien jisimha d-ditta li kienet tipproduci l-logħba. Wara xi tliet snin, bdejt nipparteċipa fil-kampjonati nazzjonali u fihom kont ħadt sehem għal xi seba’ snin. Minħabba raġunijiet ta’ xogħol, kelli nieqaf għal xi żmien, iżda l-logħba baqgħet ġo fija u 16-il sena ilu, erġajt bdejt nipprattika dan l-isport.

Iddeskrivi l-esperjenzi li kellek f’dan l-isport barra minn Malta.
Esperjenzi barra minn Malta għandi ħafna, għax tista’ tgħid li jkollna xi għaxar kompetizzjonijiet kbar kull sena. Għamilt ukoll erba’ snin nilgħab mal-klabb Taljan tal- Master Sanremo, allura bħala esperjenza barra minn xtutna, mhux nieqes. Meta tirbaħ l-esperjenzi dejjem ikunu sbieħ, speċjalment jekk ikunu f’xi Major jew Grand Prix, iżda ċert li l-isbaħ esperjenza li kelli, kienet mat-tim nazzjonali Malti ġewwa Ruma, meta fis-sena 2022 irbaħna t-Tazza tad-Dinja, fil-kategorija tal-Veterani. 

X’tikkummenta fuq il-fatt li bħala Bormla SC tinsabu rrenkjati fl-ewwel post fid- dinja?
Meta kont irritornajt nilgħab Malta, kont ingħaqadt mall-klabb ta’ Bormla SC u niftakar li fid-diskussjoni, tkellimna kif stajna nagħtu spinta ‘l quddiem lil dan il-klabb żgħir. Hemm kumitat li jaħdem qatigħ u anke plejers li jagħtu sehemhom f’kull kompetizzjoni. Tliet snin ta’ xogħol, sagrifiċċji u anke xi kultant, taqtigħ il-qalb, imma issa hemm qegħdin, fuq nett u l-isbaħ parti tibda issa, li rridu naħdmu aktar, biex nibqgħu hemm fuq. 

X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċessi li ksibtu bħala Bormla SC barra minn xtutna?
Dan l-istaġun ħdimna ħafna u bħala riżultati huma sodisfaċenti wkoll. Minn 11-il kompetizzjoni li ħadna sehem fihom, tlajna fuq il-podju disa’ darbiet. Irbaħna ġewwa l-Ingilterra u l-Awstrija, konna finalisti Spanja, Greċja u l-Italja. Dawn ir-riżultati jiġu bis-sagrifiċċju ta’ ħafna nies, mhux biss tal-plejers li jilagħbu, iżda anke l-familjari tagħhom. Hemm ukoll il-lat finanzjarju, għax li kieku ma tkunx l-għajnuna ta’ xi sponsors, ma nkunux nistgħu nibqgħu nikkompetu regolarment barra minn xtutna.

Kif tirribatti għall-kritika li għad hawn min ma jqisx it-table football bħala sport?
Din hi xi ħaġa ftit antika issa, għax ħafna mill-poplu fehem li tabilħaqq, dan huwa sport. Għal diversi snin, l-Assocjazzjoni ta’ Malta hija membru sħiħ fil-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), kif ukoll fi SportMalta. Hemm sport ieħor bħal tagħna, li jrid ikollok riflessi, mira u preċiżjoni tajbin. Dawn jinkisbu bil-prattika u għalhekk ikollna nagħmlu sigħat twal ta’ taħriġ. Bħal kull sport ieħor, bla sagrifiċċji ma tasalx biex tkun mal-aħjar fid-dinja u minkejja li pajjiżna mhux kbir, inlaħħqu sew ma’ pajjiżi oħra ferm akbar minna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?
Bħalissa bħalma jigri f’kull sajf, ikollna s-suq tat-trasferimenti. F’dan iż-żmien, niċċaqalqu minn klabb għall-ieħor, iżda jien għal stagun ieħor se nibqa’ ma’ Bormla SC. Kelli tliet snin sbieħ ħafna ma’ dan il-klabb, u tista’ tgħid li lħaqna tragwardi importanti flimkien. Nispera li l-istaġun li jmiss ikun sodisfaċenti ħafna, kemm għalija personali kif ukoll għall-klabb. Erġajna se nkunu preżenti fiċ-Champions League li se tintlagħab ġewwa l-Greċja u nispera li nkomplu ntejbu r-riżultati tas-snin li għaddew. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika dan l-isport.
Bħala persuna li ilni nipprattika dan l-isport għal diversi snin, nista’ ngħidilkom li t-Table Football ilaqqgħek ma’ diversi persuni minn kull parti tad-dinja u b’hekk tagħmel ħafna ħbieb. Hija logħba ħajja u mhux virtwali, fejn il-prattika hija bżonnjuża biex timxi ‘l quddiem.  Hawn klabbs Maltin li jgħallmu din il-logħba u b’hekk min ikun għadu jibda, isib min jiggwidah biex jibda dan l-isport sabiħ!  

Sport