Wednesday, July 24, 2024

It-table tennis huwa sport vera sabiħ li ta’ min jipprovah – Isaac Grixti

Aqra wkoll

Minn Cris Muscat

Kif bdiet il-ħajra tiegħek illi tilgħab it-table tennis?

Il-ħajra tieghi bdiet minn ta’ etá żgħira, anzi fil-kċina tan-nanniet, fejn jiena u ħija, Gabriel, konna nitfgħu s-srievet f’nofs il-mejda u konna nilagħbu bħallikieku qegħdin f’xi kompetizzjoni prestiġjuża. Malli għalaqt il-11-il sena bdejt nilgħab table tennis daqsxejn iżjed bis-serjetá, li mbagħad żvolgiet fl-imħabba għall-isport li għandi llum.

X’unuri prinċipali rbaħt fit-table tennis, kemm f’pajjiżna, kif ukoll barra minn xtutna?

Irbaħt numru ta’ unuri nazzjonali fil-kompetizzjoni tad-doubles ma’ ħija, kif ukoll anke r-rebħ ta’ tournaments tas-singles f’diversi kategoriji bhal ta’ taħt it-13-il sena, taħt il-15-il sena, taħt it-18-il sena u anke dawk ta’ taħt il-21 sena. Barra minn hekk, flimkien mat-tim tiegħi f’Malta HiTT Academy WH Middle East, irnexxieli nirbaħ sitt kampjonati infila tal-Ewwel Diviżjoni ta’ Malta. Bħala unuri barra minn xtutna, din is-sena rnexxieli nikseb riżultati tajbin fir-raba’ diviżjoni tal-kampjonat tal-Italja fejn kont qed nilgħab mat-tim minn Catania ASD Il Circolo Etneo fejn ġejna fit-tielet post, bl-istess punti tal-ewwel u tat-tieni post. Huwa unur ferm tajjeb, u li barra minn hekk, irnexxieli nikseb kważi 77% tar-rebħ.

Kemm hu popolari mal-poplu ġenerali Malti, it-table tennis?

Ġeneralment it-table tennis lokalment huwa popolari ħafna, peró, iżjed bħala logħba rilassata li jilgħabuha ż-żgħażagħ u l-adoloxxenti bħala delizzju. Peró, nista’ ngħid li fis-snin passati, il-logħba qiegħda tikseb popolaritá anke mat-tfal li jixtiequ jibdew karriera bis-serjetá fl-isport, li hija ħaga ferm sabiħa li nista’ ninnota.

Kellimni dwar il-kampjonat tat-table tennis lokali. Kemm hemm timijiet illi jipparteċipaw fih?

Il-kampjonat tat-table tennis lokali kiber fl-aħħar snin … tant hu hekk li ġiet introdotta diviżjoni oħra. Fil-kampjonat innifsu hemm erba’ diviżjonijiet li tista’ tgħid jolqtu l-livelli ta’ kulħadd u hemm diversitá kbira ta’ plejers.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?

Bħala futur tiegħi fl-isport qiegħed nimxi pjuttost sena b’sena, minħabba l-fatt li bħalissa għadni qiegħed nistudja, peró, fis-snin li ġejjin ser nibda l-ħajja tiegħi tax-xogħol. Peró, nista’ ngħid li fadalli snin f’dan l-isport.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk li qegħdin jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jibdew jieħdu bis-serjetá t-table tennis f’ħajjithom.

It-table tennis huwa sport li huwa tajjeb ħafna għas-saħħa, specjalment dik mentali. Nista’ ngħid li dan l-isport huwa sport vera sabiħ, li ta’ min jipprovah!

Ekonomija

Sport