Thursday, November 5, 2026
Home Sport ‘It-talent waħdu mhux biżżejjed biex wieħed jasal fil-quċċata. Jeħtieġ ukoll dixxiplina, xogħol...

‘It-talent waħdu mhux biżżejjed biex wieħed jasal fil-quċċata. Jeħtieġ ukoll dixxiplina, xogħol kontinwu, paċenzja u l-kuraġġ li wieħed jerġa’ jqum wara kull diffikultà’ – Stefano Eranio (eks plejer ta’ Milan)

0
64

Minn Cristian Muscat

Minn tifel li kien jilgħab ma’ ħuh kontra plejers akbar minnu, sa wieħed mill-protagonisti tal-aqwa snin tal-futbol Taljan. Ma’ dan is-sit, Stefano Eranio jirrakkonta l-bidu tal-karriera tiegħu, l-esperjenza ma’ Genoa, il-pass lejn AC Milan u l-memorji tiegħu mat-tim nazzjonali Taljan.

Stefano Eranio huwa wieħed minn dawk il-plejers li kellhom ix-xorti jesperjenzaw mill-qrib wieħed mill-isbaħ perjodi fl-istorja tal-futbol Taljan. Imwieled fil-belt ta’ Genova fid-29 ta’ Diċembru 1966, Eranio bena karriera importanti li wasslitu jilgħab ma’ Genoa, AC Milan u Derby County, kif ukoll jirrappreżenta lit-tim nazzjonali Taljan f’20 okkażjoni.

Waqt din l-intervista, Eranio tkellem dwar il-bidu tiegħu fil-futbol, l-isfidi li kellu jaffaċċja bħala plejer żagħżugħ u l-esperjenzi li għenuh jasal fl-ogħla livelli tal-logħba.

Għal Eranio, il-futbol beda bħala logħba sempliċi bejn il-ħbieb. Huwa fakkar kif fi żmienu ma kienx hemm id-distrazzjonijiet li jeżistu llum u l-ballun kien wieħed mill-aktar mezzi importanti biex it-tfal jiltaqgħu, jagħmlu ħbieb u jqattgħu l-ħin flimkien.

“Minn età żgħira kont inħoss li kelli ċerta ħila naturali fil-logħba. Għalkemm fil-bidu kien jilgħab għall-gost, bil-mod il-mod beda jinduna li seta’ jibni futur fil-futbol.”

Wieħed mill-ewwel passi importanti fil-karriera tiegħu kien ma’ Molassana, fejn kien jilgħab fl-istess kategorija ma’ ħuh, minkejja li dan kien tliet snin akbar minnu.

Din l-esperjenza kienet importanti ħafna għaliex kellu jilgħab kontra avversarji akbar u fiżikament aktar b’saħħithom. Skont Eranio, dan għenu jiżviluppa aktar malajr, kemm mil-lat tekniku kif ukoll minn dak mentali.

Il-wirjiet tiegħu ma damux ma ġibdu l-attenzjoni ta’ Genoa, li stednuh jagħmel prova mal-klabb.

Eranio rrakkonta li, bħala tifel imwieled f’Ġenova, kien emozzjonanti ħafna għalih li jingħata opportunità ma’ wieħed mill-klabbs ewlenin tal-belt.

“Dak iż-żmien kont nilgħab bħala libero, pożizzjoni li kienet tippermettili nara l-logħba kollha quddiemi u juża l-viżjoni tiegħi biex nibni l-azzjonijiet tat-tim.”

Matul il-prova, huwa ntuża f’din il-pożizzjoni kontra t-tim regolari ta’ Genoa u rnexxielu jiskorja tliet gowls.

Din il-prestazzjoni ħalliet impressjoni kbira fuq dawk responsabbli mis-settur taż-żgħażagħ. Minn dak il-mument ingħata l-flokk numru għaxra, filwaqt li beda jintuża aktar f’pożizzjonijiet offensivi, wara l-attakkanti.

Kien pass importanti li fetaħlu t-triq lejn karriera professjonali.

Eranio beda l-karriera professjonali tiegħu ma’ Genoa fl-1984 u ta’ 18-il sena sab ruħu jagħmel parti mill-ewwel tim taħt it-tmexxija ta’ Gigi Simoni.

Madankollu, il-bidu ma kienx wieħed faċli. Genoa għaddew minn perjodi diffiċli, fosthom ir-relegazzjoni mis-Serie A, u Eranio kellu jitgħallem malajr xi tfisser il-pressjoni tal-futbol professjonali.

Huwa fakkar ukoll fl-importanza ta’ Tarcisio Burgnich, li kien involut fis-settur taż-żgħażagħ u kellu fiduċja fil-potenzjal tiegħu.

“Ċertament li l-futbol ta’ dak iż-żmien kien differenti ħafna minn dak tal-lum. Il-plejers kienu mistennija jiġru ħafna, jaħdmu kontinwament għat-tim u jkunu lesti jagħmlu sagrifiċċji kbar.”

Il-karriera tiegħu kellha wkoll mumenti diffiċli minħabba l-injuries. F’okkażjoni minnhom dam madwar seba’ xhur barra mil-logħob, sitwazzjoni li ġiegħlitu jaħdem ħafna biex jerġa’ jikseb il-forma u jipprova l-valur tiegħu.

Għalih, dak il-perjodu kien prova importanti tal-karattru u d-determinazzjoni tiegħu.

Wara snin ta’ diffikultajiet, Genoa bdew jibnu tim kompetittiv ħafna, bi plejers bħal Carlos Aguilera, Tomáš Skuhravý u Claudio Branco.

Eranio jiftakar dan il-perjodu b’nostalġija kbira, partikolarment l-istaġun 1990/91 meta Genoa spiċċaw fir-raba’ post fis-Serie A.

Kien żmien meta r-rivali tagħhom Sampdoria rebħu l-kampjonat Taljan, iżda Genoa wkoll kienu qed jiktbu paġni importanti fl-istorja tagħhom.

Wieħed mill-aktar mumenti memorabbli kien il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet Ewropej, fosthom il-konfronti kontra Liverpool fit-Tazza UEFA tal-istaġun 1991/92.

Genoa rnexxielhom jeliminaw lill-ġganti Ingliżi, kisba li baqgħet imnaqqxa fil-memorja tal-partitarji.

Eranio ddeskriva dawk is-snin bħala perjodu spettakolari, mhux biss minħabba r-riżultati, iżda wkoll minħabba l-kwalità tal-plejers li kienu jagħmlu parti mit-tim.

Il-wirjiet tiegħu ma’ Genoa wasslu biex diversi klabbs kbar Taljani juru interess fih, fosthom Juventus u AC Milan.

Fl-1992, Eranio għażel li jingħaqad ma’ Milan, klabb li dak iż-żmien kien fost l-aktar b’saħħithom fid-dinja.

Kienet l-era tad-deheb tas-Serie A, meta l-kampjonat Taljan kien jiġbor fih numru kbir mill-aqwa plejers internazzjonali.

Ma’ Milan, Eranio rebaħ tliet kampjonati tas-Serie A fl-1993, 1994 u 1996, tliet Super Cups Taljani, iċ-Champions League tal-1994 u s-Super Cup Ewropea.

Huwa kien parti minn skwadra mimlija stilel u kellu jadatta għal ambjent fejn il-kompetizzjoni għall-post kienet kontinwa.

Għalkemm injury żammitu barra mill-finali taċ-Champions League tal-1994 kontra Barcelona, Eranio baqa’ membru tat-tim li kiseb wieħed mill-akbar suċċessi fl-istorja tal-klabb.

Eranio għandu wkoll memorja partikolari marbuta ma’ Malta.

Huwa fakkar il-konfront bejn Malta u l-Italja fl-1992, meta t-Taljani rebħu bl-iskor ta’ 2-1.

Dak iż-żmien it-tim nazzjonali Taljan kien immexxi minn Arrigo Sacchi, li kien ħa post Azeglio Vicini lejn tmiem l-1991.

Eranio kien diġà beda l-avventura tiegħu mat-tim nazzjonali fl-1990, meta ddebutta kontra Ċipru f’logħba ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew.

Matul il-karriera internazzjonali tiegħu lagħab 20 partita u skorja tliet gowls.

L-aħħar dehra tiegħu bil-flokk tal-Italja kienet f’Marzu tal-1997 kontra l-Moldova.

Wara ħames snin ma’ Milan, Eranio beda kapitlu ġdid meta fl-1997 ingħaqad ma’ Derby County fil-Premier League Ingliż.

Hemmhekk sar wieħed mill-aktar plejers maħbubin mill-partitarji tal-klabb.

Interessanti li l-ewwel gowl tiegħu ma’ Derby County, kontra Barnsley f’Awwissu tal-1997, kien ukoll l-ewwel gowl uffiċjali skorjat fl-istadium il-ġdid Pride Park.

Mistoqsi finalment dwar x’messaġġ jixtieq jgħaddi liż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista, Eranio kien ċar.

“Il-messaġġ li joħroġ mill-esperjenzi tiegħi huwa ċar: it-talent waħdu mhux biżżejjed biex wieħed jasal fil-quċċata. Jeħtieġ ukoll dixxiplina, xogħol kontinwu, paċenzja u l-kuraġġ li wieħed jerġa’ jqum wara kull diffikultà.”

“Illum, l-esperjenzi tiegħi jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet ġodda ta’ plejers li joħolmu li xi darba jimxu fuq il-passi ta’ plejers li kitbu l-istorja tal-futbol Ewropew.”

Ringrazzjament speċjali għal din l-intervista jmur għal Trident Football Pod.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here