Saturday, May 18, 2024

It-Taliban jaqtgħu ras plejer żagħżugħa tal-volleyball

Aqra wkoll

Ritratt: Persian Independent

Skont rapporti, it-Taliban qatgħu ras plejer tal-volleyball taż-żgħażagħ tan-nisa u r-ritratt ta’ rasha tpoġġa fuq il-midja soċjali.

Mahjabin Hakimi, stilla tal-futur tal-volleyball tal-Muniċipalità ta’ Kabul, inqatlet mill-ġiħadisti aktar kmieni dan ix-xahar, sostna l-kowċ tagħha.

Il-mewt ta’ din it-tfalja qed tiġi rappurtata issa minħabba li l-militanti Iżlamiċi heddew lill-familja tagħha biex ma jgħidu lil ħadd x’ġara.

Wara li r-ritratt tar-ras maqtugħa tagħha tpoġġa fuq l-internet, il-kowċ iddeċieda li għandu jitkellem.

“Il-plejers kollha tat-tim tal-volleyball u l-bqija tan-nisa atleti jinsabu f’sitwazzjoni ħażina u fid-disperazzjoni u l-biża‘,” huwa qal.

“Kulħadd ġie mġiegħel jaħrab u jgħix f’postijiet mhux magħrufa.”

Mahjabin kienet tilgħab mal-klabb ta‘ Kabul qabel it-Taliban ħatfu l-poter mill-gvern appoġġjat mill-Istati Uniti fl-aħħar ta’ Awwissu.

Il-kowċ qal li kienet waħda minn żewġ tfajliet biss li ma rnexxielhomx jaħarbu mill-Afganistan.

Talbiet konfliġġenti fuq il-midja soċjali qalu li Mahjabin kienet inqatel b’mod misterjuż ġimgħa qabel it-Taliban ħatfu Kabul.

Il-fatt li hija ġiet maqtula b’dan il-mod nissel biżgħa kbir fost l-atleti nisa li jinsabu moħbija fl-Afganistan stess.

Skond l-interpretazzjoni stretta tiegħu tal-liġi tax-Xarija, it-Taliban ma jippermettux lin-nisa jilagħbu sport jew iħallihom jipparteċipaw fix-xogħol jew fl-edukazzjoni.

Sport