Thursday, April 25, 2024

It-Talibani

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

L-għeruq tat-Taliban għandhom l-oriġini tagħhom fl-iskejjel iżlamici, magħrufa bħala madrassas, li kienu ġew imwaqqfa fis-snin tmenin fil-Pakistan u l-Afganistan. Dawn l-iskejjel kienu nfetħu minn fundamentalisti Iżlamiċi sabiex jindottrinaw lit-tfal Pakistani u Afgani fuq l-interpretazzjoni tal-Iżlam skont it-tagħlim ta’ Muhammad ibn Abd al-Wahhabi, li kien għex fis-seklu sbatax. Fil-fatt, kienet l-Għarabja Sawdita, l-pajjiż li ġewwa fih għandu l-aktar saħħa l-Iżlam ta’ Wahhabi, li kienet tiffinanzja lil dawn l-iskejjel u kienet tipprovdi anke l-kotba lit-tfal. It-tagħlim ta’ Wahhabi jista’ jitqies bħala l-bażi tax-xarijja, l-liġi Iżlamika li jimxu fuqha t-Talibani. Kienu proprju studenti minn dawn il-madrassas li saru l-ewwel membri tat-Taliban. Fil-fatt, it-kelma Taliban tfisser student.

Mexxej Kariżmatiku

Il-gwerra bejn l-Unjoni Sovjetika u r-ribelli Afgani, magħrufa bħala l-mugajdin, intemmet fl-1992 bir-rebħa ta’ dawn tal-aħħar. Però, minflok dawn ir-ribelli ngħaqdu bejniethom sabiex imexxu l-Afganistan, dawn bdew jiggieldu bejniethom. Fil-fatt, matul l-ewwel sentejn mit-tkeċċija tas-Sovjetiċi, il-ħajja ġewwa l-Afganistan kienet ikkaratterizzata minn gwerra ċivili bejn il-mexxejja tal-mugajdin. Tant ma kienx hemm l-ebda forma ta’ kontroll, li dawn il-mexxejja bdew saħansitra jmexxu d-drogi u anke jaħqru lill-poplu.

Wara xhur sħaħ ta’ dwejjaq b’din l-imġiba tal-mugajdin, seħħ inċident li wassal sabiex in-nies ingħaqdu wara l-Mullah Omar li kien studjuż Iżlamiku u li kien eroj tal-gwerra kontra r-Russi. F’din il-gwerra kontra s-Sovertiċi, il-Mullah Omar kien tilef għajn waħda. L-inċident li semmejna ġara’ wara li xi mugajdin kienu ħatfu żewġt ibniet ta’ 13-il sena u għamlu ġranet jabbużaw minnhom sesswalment. Dan wassal sabiex dan il-Mullah u madwar tletin student Taliban attakkaw lil dawn il-mugajdin u qatluhom. Minn hawn ‘il quddiem, Omar u sħabu bdew naqra naqra jirbħu provinċja wara oħra tal-Afganistan. 

Għall-ewwel, il-poplu Afgan laqa’ tajjeb it-tmexxija tat-Taliban li ġabet ċertu ordni fil-pajjiż. Però, il-prezz li kellhom iħallsu ma damx wisq sabiex ħareġ fil-beraħ sabiex jibagħtu sinjal ċar tal-krudeltà tagħhom, it-Talibani minnufih qatlu lil ex president tal-pajjiż, Muhammed Nagibullah u dendlu l-katavru tiegħu ma’ crane gewwa Kabul. Barra minn hekk bdew iħaddmu l-famuża xarija li permezz tagħha n-nisa tilfu ħafna mid-drittijiet tagħhom. Bdejna ukoll naraw filmati ta’ nies li bdew jinqatgħulhom idejhom għaliex ikunu serqu xi ħaġa u eżekuzzjonijiet pubbliċi ta’ nisa għaliex ikunu nstabu ħatja ta’ adulterju. 

Massood, Omar u Bin Laden

L-uniku ostaklu li sab quddiemu Omar kien ċertu Massood, wieħed mill-aqwa strateġisti militari li kien ta’ kedda liema bħala lis-Sovjetiċi fi żmien il-gwerra mal-Unjoni Sovjetika u wara, fil-gwerra ċivili, beda jkun ta’ xewka f’dahar Omar fl-attentat ta dan tal-aħħar li joħloq l-Emirat Musulman tal-Afganistan.

Meta t-Talibani bdew javvanzaw ġmielhom, Massood għamel kuntatt ma’ Osama Bin Laden li kien għen ħafna lill-Mugajdin fil-gwerra mar-Russi. It-terrorista Sawdita għall-ewwel ħadha qatta’ bla ħabel kontra t-Talibani. Però, meta ltaqa’ ma’ Omar dan dawru miegħu u hawn bdiet il-kollaborazzjoni bejn Osama Bin Laden u t-Talibani. Eventwalment, Massood safa’ assassinat waqt konferenza stampa aktarx mill-al Qaida, l-ghaqda terroritika mmexxiha minn Bin Laden.

Minkejja li ħafna jaħsbu li minn hawn ‘il quddiem Omar u bin Laden kienu jaqblu f’kollox, jingħad li dawn iż-żewġ fundamentalisti Iżlamiċi kemm-il darba tlewmu, l-aktar għaliex Bin Laden kemm il-darba ħa deċiżjonijiet mingħajr ma kkonsulta lil Omar, li minn barra li issa kien sar il-mexxej tal-Afganistan kien ukoll ħa t-titlu tal-protettur tal-Iżlam madwar id-dinja. Fil-fatt, rigward l-attakki tal-11 ta’ Settembru 2001 minn al Qaida, Omar jidher li ma kienx jaf bihom. Però, Omar qatt ma ċeda għat-talba tal-Istati Uniti sabiex huwa jagħtihom f’idejhom lil Bin Laden wara dawn l-attakki u dan wassal għal invażjoni tal-Afganistan mill-Istati Uniti, invażjoni li wasslet għall-waqgħa tat-Taliban.

It-Taliban jerġa’ jirxoxta

Mal-waqgħa tat-Talibani, Omar mar jistaħba u jingħad li miet bit-tuberkolożi fl-2004. Naqra naqra t-Taliban rega’ beda jingħaqad u beda jerġa’ jorganizza attakki fuq is-suldati Amerikani. F’ħafna provinċji, it-Taliban kien ifforma bħal speci ta’ gvernijiet lokali li kienu jaħdmu minn taħt. Dawn il-gvernijiet virtwali kienu ħafna drabi jimlew il-vojt li kien iħalli l-gvern uffiċjali, l-aktar fi kwistjonijiet ta’ ġustizzja, fejn in-nies kienu ħafna drabi jirrikorru lejn il-qrati tat-Taliban minħabba li dawk uffiċjali ftit li xejn kienu jaħdmu.

Sabiex jiffinanzjaw il-kawża tagħhom, it-Talibani ma kienu iddejqu xejn jimxu fuq il-passi tal-mugajdin u jibdew ikabbru u jinnegozjaw il-drogi. Barra minn hekk, it-Talibani kienu jirċievu flejjes kbar mingħand fanatiċi Iżlamiċi barranin, kif kien jagħmel appuntu Bin Laden. Dan l-aħħar, huma bdew jispekulaw fis-suq tal-minerali wara li fil-pajjiż instabu ħafna riżorsi naturali. 

It-tmexxija l-ġdida tat-Talibani

Bħalissa, il-mexxej suprem tat-Taliban, dak li sabiex niftehmu ħa l-irwol ta’ Omar huwa Hibatullah Akhundzada. Akhundzaha sar il-mexxej tat-Talibani fl-1996. Huwa għandu l-aħħar kellma fuq deċiżjonijiet ta’ natura politika, militari u reliġjużi. 

Id-deputat mexxej tat-Taliban, li jgħin lil Akhundzada fi kwistjonijiet politiċi huwa Abdul Ghani Baradar, li huwa wieħed mill-fundaturi tat-Talibani, flimkien ma’ Omar. Baradar huwa figura ferm importanti fit-Taliban u kien qiegħed jissemma’ li sejjer jieħu l-irwol tal-president il-ġdid tal-Afganistan. Però, Baradar ingħata rwol ferm inqas prestiġġjuż fil-gvern proviżorju li għadu kemm tħabbar, għaliex ingħata l-kariga ta’ Deputat Prim Ministru. Baradar kien ir-rappreżentant ewlieni tat-Talibani fin-negozjati li kienu qegħdin isiru dan l-aħħar mal-Istati Uniti. Mawlawi Hanafi, negozjatur ieħor f’isem it-Talibani nħatar ukoll bħala Deputat Prim Ministru. Sirajuddin Haqqani huwa deputat mexxej ieħor li jgħin lill-mexxej suprem fi kwistjonijiet ta’ natura militari. Dan il-militant ġej minn familja magħrufa sew fl-estremiżmu Iżlamiku tant li jingħad li kienu huma li introduċew l-attakki suwiċida fil-modus operandi tat-Talibani. Haqqani ngħata l-kariga ta’ Ministru tal-Intern. It-tielet deputat mexxej huwa Muhammed Yaqoob li bħal Haqqani jassisti lil Akhundzaha f’materji militari. Yaqoob huwa iben Omar. Yaqoob issa huwa l-Ministru tad-Difiza fil-gvern proviżorju li għadu kemm tħabbar nhar it-Tlieta li għadda. Hassan Akhund, li fis-snin disgħin kien serva bħala Deputat Prim Ministru u anke bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin fil-gvern tat-Taliban, issa huwa l-Prim Ministru l-Gdid tal-Afganistan.

Taħt din it-tmexxija hemm struttura magħrufa bħala l-kommissjoni li hija speċi ta’ kabinett magħmula minn sbatax-il membru li jaqdu l-irwoli tipiċi ta’ ministri fi gvern normali. Kull membru ta’ din il-kummissjoni jagħti l-ordnijiet lil grupp ta’ mexxejja lokali skont id-dekasteru tiegħu.

Konxi li l-popolarità tagħhom mall-poplu hija baxxa ħafna minħabba dak li kienu għamlu meta kienu fit-tmexxija bejn 1996 u l-2001, il-mexxejja tat-Taliban bħalissa qegħdin jippruvaw jagħtu l-impressjoni li huma saru aktar miftuħa mit-Taliban l-antik. Huma qegħdin jorganizzaw tahditiet ma’ diversi politiċi li huma kontra t-tmexxija Taliban fosthom l-eks president tal-pajjiż, Ashraf Ghani, li kien ħarab mill-pajjiż wara r-rebħa tat-Talibani u maż-żewġ ulied ta’ Massood. 

Però, s’issa, dawn il-wegħdi għadhom ma ssarfux f’fatti għaliex it-Taliban għadu ma ċediex pulzier mit-tmexxija. Fil-fatt, il-gvern proviżorju huwa kollu kemm huwa magħmul minn nies li huma kollha leali lejn it-Taliban. 

Fuq kollox, ta’ min ifakkar li l-irwol ddikjarat ta’ Omar u tas-suċċessuri tiegħu huwa dak li jxerred l-Islam madwar id-dinja kollha. Meta wieħed jara kif it-Taliban ipprova jieħu dan l-irwol fil-passat riċenti, żgur li ma jistax iserraħ rasu li dan il-grupp mhuwiex sejjer jerġa’ jipparteċipa fit-terroriżmu internazzjonali. Żgur li filmati li qegħdin jidhru fuq il-midja bħalissa tal-ammont kbir ta’ armi li ħallew warajhom l-Amerikani u li issa spiċċaw f’idejn it-Talibani jkomplu jżidu dan l-inkwiet. Sadanittant, fil-gvern proviżorju ġie mneħħi l-Ministeru tan-Nisa u reġa’ feġġ dak tal-Vizzji u virtujiet, li fis-snin disgħin kien dak il-ministeru li kien jibgħat lill-pulizija jsawtu lin-nisa li ma kinux jgħattu kull parti ta’ ġisimhom. Jingħad li f’ċertu provinċji diġà bdew jiddaħħlu mill-ġdid ċertu restrizzjonijiet fuq in-nisa u fl-edukazzjoni tat-tfal.

Sport