Wednesday, May 8, 2024

Mixli li ħallas żewġt irġiel biex qabbdu l-karozza tal-eks sieħba

Aqra wkoll

Raġel ta’ 32 sena miż-Żejtun baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fuq akkużi dwar traffikar ta’ droga u li allegatament ħallas żewġt irġiel biex iqabbdu l-karozza tal-eks sieħba tiegħu. 

Ian Zammit wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ kompliċità fil-ħruq ta’ karozza, li kkawża ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor u li forna l-kokaina. L-allegat każ imur lura għas-6 ta’ Lulju li għadda.

Zammit kien arrestat il-Ħadd li għadda fejn ċaħad kull involviment b’rabta ma’ dawn il-każi u tressaq quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo llum mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Mario Xiberras.

L-Ispettur Xiberras informa lill-Qorti qal li nhar is-6 ta’ Lulju li għadda, il-Pulizija kienet irċeviet rapport dwar ħruq ta’ vettura Range Rover f’Birżebbuġa. Mill-istħarriġ li sar, il-Pulizija identifikat tliet persuni li allegatament kienu involuti fil-każ. 

L-Ispettur qal li wieħed minn dawn, Joseph Buttigieg, laħaq miet iżda Ian Zammit kien arrestat. “Ir-raġel huwa magħruf bħala s-Sugar u allegatament ibigħ il-kokaina,” qal Xiberras.

Raġel ieħor mill-Maċedonja kien diġà tressaq separatament fil-Qorti, u kien mixli li wassal lil Buttigieg fuq il-post biex iqabbdu l-karozza. “Mill-call logs tiegħu, il-Pulizija waslu għal Buttigieg, li kien ibegħlu d-droga,” qal l-Ispettur. 

“Huwa ma riedx flus għad-droga iżda lift għal Birżebbuġa. Kien ħareġ landa fjuwil u allegatament taha n-nar. Saret ukoll ħsara f’xi karozzi oħra u anke f’residenza,” qal l-Ispettur.

Tenna li l-Maċedonu kien ukoll qal lill-Pulizija li Buttigieg qal li huma riedu jmorru Birżebbuġa u jsibu Range Rover. “Il-Pulizija kienu raw numru ta’ messaġġi bejn il-Maċedonu u Zammit li juru kif tal-ewwel kien inkwetat minħabba s-sitwazzjoni li kien sab ruħu fiha. Il-Pulizija sabu wkoll ritratti ta’ €40,000 fi flus kontanti fuq il-mobile tiegħu,” qal l-Ispettur Xiberras.

Fil-Qorti, saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat. Din iżda ġiet miċħuda minħabba n-natura tal-akkużi, il-gravità tal-każ, il-biża’ ta’ intralċ ta’ provi u l-fedina penali tal-imputat.

Kien għalhekk li huwa baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Zammit.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

Sport