Wednesday, October 30, 2024

It-team nazzjonali tan-Nisa U/19 f’parteċipazzjoni storika fil-Euro 2023

Aqra wkoll

It-team nazzjonali tan-Nisa U/19 f’parteċipazzjoni storika fil-Euro 2023

It-team nazzjonali tan-nisa ta’ Taħt id-19-il sena qed iħejji għal parteċipazzjoni storika f’League A tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew 2023.

Immexxija minn Frank Schembri, it-team Malti se jilgħab fi grupp kompost minn erba’ timijiet li se jintlagħab fil-Portugall bejn il-5 u l-11 ta’ Ottubru.

Fil-grupp ta’ Malta hemm tlieta mill-aktar timijiet qawwija fil-football Ewropew – il-Belġju, li se jospitaw il-Euro 2023, in-Norveġja li temmew fit-tieni post tal-edizzjoni ta’ din is-sena, u l-Portugall, semi-finalisti tal-edizzjoni tal-2019.

It-team Malti jibda bl-impenji tiegħu porprju nhar l-Erbgħa, 5 ta’ Ottubru, meta jaffronta lin-Norveġja, fil-kumpless sportiv ta’ Tocha (fl-4.00 pm).

Tlett ijiem wara, il-Maltin jilagħbu kontra l-Belġju, fil-Muniċipali Sergio Conceicao, f’Coimbra, (fl-3.45pm) … qabel ma jiffaċċjaw lill-Portugall, fil-11 ta’ Ottubru, f’Coimbra wkoll, fis-7.00 pm.

Għal dan it-tournament, Schembri sejjaħ skwadra ta’ 20 player li prattikament hija l-istess li lagħbet fil-partita internazzjonali ta’ ħbiberija kontra l-Bulgarija, f’Settembru li għadda.

Din se tkun l-ewwel dehra ta’ Malta f’dan il-kampjonat wara li kisbet il-promozzjoni f’April li għadda meta spiċċat fit-tieni post tal-klassifika ta’ League B, fit-tieni fażi tal-kwalifikazzjoni 2021/22.

Waqt dak il-mini-tournament, li ntlagħab fl-Irlanda ta’ Fuq, Malta kisbet draw 1-1 kontra l-istess Irlandizi, qabel ma rreġistrat żewġ rebħiet fuq l-Azerbaijan (2-1) u l-Faroe Islands (3-2).

“Nemmen li l-fatt li aħna fost l-aqwa timijiet fl-Ewropa għandu jkun ta’ unur kbir għalina, sostna l-coach, Frank Schembri.

“Din mhijiex xi ħaġa li aħna mdorrijin biha u għaldaqstant   se tkun esperjenza unika għalina.”

F’din l-edizzjoni l-ġdida, League A se jkun kompost minn 28 team li ġew imtellgħin f’seba’ gruppi. It-timijiet li jispiċċaw fir-raba’ post se jkunu relegati għal League B għat-tieni fazi filwaqt li l-ewwel tlieta minn kull grupp ta’ League A, se jikkwalifikaw għat-tieni round … li jfisser li se jkunu biss tliet logħbiet ‘il bogħod minn possibbiltá ta’ kwalifikazzjoni għall-fażi finali tas-sena d-dieħla.

“Ma nistgħux nilagħbu f’livell aħjar minn dan u għaldaqstant ninsab ċert li filwaqt li dawn it-tliet logħbiet se jkunu ferm diffiċli għalina, se jkunu ta’ benefiċċju kbir għall-iżvilupp tal-players tagħna,” żied jgħid il-coach Schembri.

“Se nilagħbu kontra players li fil-futur qrib se jkunu minn fost l-aqwa fid-dinja.”

L-iskwadra hija:

Goalkeepers: Chanelle Borg (Swieqi United), Maya Cachia (Venezia Calcio, Italy), Raisa Costantino (Hibernians).

Difensuri: Fatma Al Girbi, Nicole Camenzuli (San Ġwann), Izabella Camilleri (Birkirkara), Jeanelle Falzon (Mtarfa), Tammy Falzon (Swieqi United), Alexandra Gatt (Durham Cestria, Ingilterra), Michela Ionadi (Milton Youth Soccer Club, Kanada), Georgiana Mifsud (Raiders Lija).

Midfielders:Gaia Antonelli, Sabrin Blihi, Megan La Rosa (Raiders Lija), Yulya Carella (Mġarr United), Ileana Farrugia (Birkirkara), Kimberly Fava, Ylenia Grech (Swieqi United).

Attakkanti: Iulia Mifsud (Hibernians), Sarah Vella Barberi (Raiders Lija).

Sport