Thursday, April 18, 2024

Aktar ġrieden fil-Qawra … Il-Kunsill jiġri wara l-awtoritajiet

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fi Triq it-Turisti, il-Qawra, viċin ristorant rinomat għal darb’oħra reġa’ ntlemaħ ġurdien ħaj jiġri mas-saqajn. Dan is-sit kien diġà qajjem għarfien dwar din is-sitwazzjoni ta’ tħassib f’din il-lokalità fejn għadd ta’ residenti ilhom għal snin sħaħ jilmentaw bi ħmieġ esaġerat, iżda “qisu ma tistax tinstab soluzzjoni”. 

Iż-żona turistika ta’ San Pawl il-Baħar, Bugibba u l-Qawra għandha bżonn ta’ pjan konkret biex tinżamm f’livell ta’ ndafa xieraq. Il-problemi sanitarji li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl qiegħed jipprova jindirizza ilhom jippersistu bl-akbar waħda tkun dik ta’ skart mitluq u mħolli kullimkien u kull ħin. 

L-iskart iġib il-ġrieden u fil-fatt dawn saru sinomi ma’ din iż-żona. Il-Viċi Sindku tal-Kunsill, Carlos Zarb kien tkellem ma’ dan il-ġurnal fejn kien wiegħed li se jagħmel kuntatt mal-awtoritajiet ikkonċernati ħalli jindirizzaw l-infestazzjoni riċenti tal-ġrieden fit-triq imsemmija u kull fejn hemm bżonn. 

Dan is-sit reġa’ tkellem ma’ Zarb fejn filwaqt li kkonferma li għamel ilment uffiċjali ma’ uffiċċju kkonċernat, huwa kien mitlub jgħaddi l-ilment tiegħu ma’ entità oħra. Filwaqt li huwa għamel kif ġie mitlub u bagħat lid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali u l-ilment tiegħu ġie rreġistrat, għal darb’oħra stiednuh jagħmel kuntatt mal-Pest Control Unit. 

Filwaqt li l-Kunsill min-naħa tiegħu, kif qal li kien se jagħmel, irrapporta din is-sitwazzjoni meta mistoqsi jekk ingħatax xi tip ta’ risposta, Zarb b’diżappunt qalilna li s’issa “xejn”.

Ekonomija

Sport