Saturday, December 21, 2024

It-teknoloġija saret arma tal-qirda fil-kunflitt tal-lvant Nofsani

Aqra wkoll

Il-gwerra fil-Gaza li issa eskalat u waslet anki sal-fruntiera mal-Libanu qed turi kif it-teknoloġija qed tiġi wżata biex jinqatlu, jkorru u jiġu mmankati n-nies. F’dan kollu, l-Iżrael qed jiġi akkużat li dawwar it-teknoloġija f’arma tal-biża u l-qirda wara li pagers, walkie-talkies u saħansitra telefon ċellulari qed jisplodu f’idejn in-nies.

Ħafna Libaniżi f’Bejrut jgħidu li l-attakki t’ dan l-aħħar bl-apparat elettroniku reġgħu qanqlu fihom it-trawma tal-isplużjoni fil-port ta’ Bejrut erba’ snin ilu. Mill-inqas dakinhar 200 persuna nqatlu u 5,000 ndarbu meta eluf ta’ tunnellati ta’ nitrat tal-ammonju li kien maħżun b’mod insikur f’maħżen fil-port splodew u ħolqu sħaba tossika fl-arja u mewġa ta’ splużżjonijiet supersoniċi li qagħtu il-belt ta’ Bejrut mill-kumplament tal-pajjiż.

L-isplużżjoijiet ta’ tagħmir elettroniku t’issa ħolqu stat ta’ konfużjoni, paniku, skumdità u ansjetà li qed jiddomina fuq il-Libanu kollu daqs li kieku dak li ġara erba’ snin ilu qed jiġi ripetut illum.

Wara l-isplużjoni tal-pagers u l-apparat tar-radju, l-armata Libaniża bdiet teqred apparat suspettuż b’detonazzjonijiet ikkontrollati, filwaqt li walkie-talkies u pagers issa ġew ipprojbiti abbord it-titjiriet kollha li joperaw fl-Ajruport Rafic Hariri ta’ Bejrut, l-uniku ajruport kummerċjali operattiv fil-Libanu.

Aktar minn 90 minn dawk ndarbu fl-isplużżjoijiet qegħdin jingħataw aktar kura fl-Iran, skont ma’ qalet l-ambaxxata ta’ Tehran fil-Libanu. Dawn jinkludi l-ambaxxatur tal-Iran, Mojtaba Amani, li l-kundizzjoni tiegħu ġiet deskritta bħala stabbli mill-ambaxxata fl-istqarrija tagħha. L-uffiċjali iżda ma elaborawx dwar kemm kienu serji l-ġrieħi li sofrew il-midruba l-oħra.

L-armi tat-teknoloġija huma xi ħaġa serja ħafna mhux biss għal-Libanu iżda wkoll għall-bqija tad-dinja u għal kunflitti oħra tal-lum u dawk li forsi għad iridu jinħolqu. Ħafna nies issa qed jaħsbuha darbtejn qabel jużaw xi apparat tat-teknoloġija.

Nhar il-Ħamis il-Mexxej tal-Hezbollah Hassan Nasrallah iddeskriva l-attakki bit-teknoloġija bħala massakru u dikjarazzjoni ċara ta’ gwerra hekk kif Iżrael wettaq attakki mill-ajru fuq in-Nofsinhar tal-Libanu u ġettijiet itiru fuq il-kapitali f’altitudni baxxa.

L-organizzazzjoni Musulmana Shia tal-Hezbollah hija preżenza politika ewlenija u tikkontrolla l-aktar forza armata qawwija fil-Libanu.

L-isparar bejn il-fruntieri ilu għaddej kważi kuljum ma’ Iżrael minn meta Iżrael beda r-ritaljazzjoni tiegħu kontra l-Ħamas fil-Medda ta’ Gaża wara li grupp Palestinjan attakka n-Nofsinhar ta’ Iżrael f’Ottubru li għadda. Il-Hezbollah qed jaġixxi b’solidarjetà mal-Palestinjani.

Iżrael qal li min-naħa tiegħu qed ibiddel il-fokus militari tiegħu lejn il-fruntiera tiegħu mal-Libanu bil-għan li jirritorna għexieren ta’ eluf ta’ residenti spostati lejn djarhom. Il-Hezbollah qal li lest jieqaf jispara jekk ikun hemm waqfien mill-ġlied f’Gaża.

Madankollu, kemm il-kirurgi li qed jaħdmu f’dak li fadal mill-isptarijiet kif ukoll il-Ministru tas-Saħħa Palestinjan huma pessimisti dwar iċ-ċansijiet ta’ paċi fi żmien qasir. 

Ekonomija

Sport