F’laqgħa se sejħet l-Istati Uniti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kwistjoni tal-Ukrajna, kien irrapportat diżgwid jaħraq bejn il-mibgħuta Russi u dawk Amerikani.
Linda Thomas-Greenfield, li hija l-ambaxxatur tal-Istati Uniti, qalet li dak li qiegħda tagħmel ir-Russja huwa l-ikbar mobilizzazzjoni ta’ forzi li kien hemm f’dawn l-aħħar deċenji ġewwa l-Ewropa. Thomas-Greenfield qalet li l-Istati Uniti tibqa’ temmen li hemm soluzzjoni diplomatika, iżda wissiet li Washington se taġixxi b’mod deċiżiv jekk ir-Russja tinvadi lill-Ukrajna u l-kosegwenzi se jkunu “orribbli”.
Fuq in-naħa l-oħra, l-Ambaxxatur Russu Vasily Nebenzya akkuża lill-Istati Uniti li qed toħloq isteriżmu u li qed tinterferixxi b’mod mhux aċċettabbli fl-affarijiet interni tar-Russja. Vasily qal li ma hemm l-ebda prova li r-Russja qiegħda tippjana li tinvadi lill-Ukrajna, u ż-żieda tat-truppi qrib il-fruntiera lanqas biss ġiet ikkonfermata min-Nazzjonijiet Uniti. Huwa tenna li r-Russja kemm-il darba tiskjera truppi fir-territorju tagħha u l-Istati Uniti m’għandhiex tindaħal dwar dan.
Kemm l-Istati Uniti u anke r-Renju Unit qed jagħmluha ċara li jekk ir-Russja tinvadi lill-Ukrajna din se tkun qiegħda tiffaċċja sanzjonijiet qawwija. Is-Segretarju tal-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit Liz Truss qalet li fil-preżent qiegħda tkun ippreparata leġiżlazzjoni dwar sanzjonijiet li fil-mira tagħhom hemm numru ta’ individwi u negozji li huma qrib ħafna tal-Kremlin. Uffiċjali Amerikani qalu li bis-sanzjonijiet ta’ Washington, individwi li qrib tal-Kremlin se jinqatgħu mis-sistema finanzjarja internazzjonali.
Ir-Russja poġġiet madwar 100,000 suldat, kif ukoll tankijiet, artillerija u missili qrib il-fruntiera mal-Ukrajna. Matul il-jum tal-bieraħ komplew l-isforzi diplomatiċi bejn is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov. Kelliemi għall-Istati Uniti qal li Washington se tibqa’ kommessja għad-djalogu u se tkun qiegħda tikkonsulta mill-qrib tal-alleati tagħha u anke l-Ukrajna.
Intant, ilbieraħ ukoll numru ta’ mexxejja Ewropej ivvjaġġaw lejn l-Ukrajna għal diskussjonijiet. Fost dawn kien hemm il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson fejn wiegħed li se jaħdem mill-qrib mal-mexxej Ukren Volodymyr Zelensky biex tinstab soluzzjoni diplomatika. Il-Prim Ministru Pollakk Mateusz Marawiecki u dak Olandiz Mark Rutte wkoll marru l-Ukrajna.