Friday, December 20, 2024

It-Tessut tas-Soċjetà

Aqra wkoll

Jikteb il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava

Normalment ikunu l-aħbarijiet negattivi li jagħmlu t-titli tal-ġurnali jew bulettini tal-aħbarijiet. Il-bidu tas-sena ma kinitx eċċezzjoni. Il-qtil tat-tfajla Pollakka, Paulina Dembska, kien xhieda ta’ dan. 

Delitt li xxokkja lil ħafna għax anki jekk inhu kif allegat, illi din ġiet stuprata, wieħed jistaqsi għaliex bħal donnu dan mhux reat gravi biżżejjed u mbagħad wieħed jipproċedi biex anki joqtolha. 

Mhux se nidħol fil-każ per se imma anki l-fatt biss li jkollok persuna ta’ 20 sena li jkun allegat li qed jiġi interrogat fuq dan il-każ, huwa xi ħaġa li ġġiegħlek tieqaf u taħseb. Tfajjel ta’ 20 sena normalment ikun għadu għaddej bl-istudji sabiex ifassal il-futur u l-kumplament ta’ ħajtu fuqu. 

Lil hinn mill-każ, tfajjel ta’ 20 sena suppost għandu prijoritajiet oħra tal-finanzi tiegħu milli jonfoqhom fuq xi tattoo jew karozza li jkun evidenti li dan jew ma jaffordjax, jew iddejjen, jew il-ġenturi tiegħu wkoll għandhom problema għax ikunu tawh għexieren ta’ eluf ta’ ewro biex jixtriha, jew inkella jkun ġab il-flus minn attivitajiet illegali oħra. 

Ifisser li fis-soċjetà għad hemm żgħażagħ li ma jagħrfux jiddistingwu x’għandhom ikunu l-prijoritajiet tagħhom għall-età li jkollhom. Ifisser li għandek ġenituri li ma jagħrfux jiggwidaw lil uliedhom dwar x’inhu l-aktar importanti fil-ħajja. Inkella huma stess ukoll għandhom bżonn l-għajuna. Xi mkien hemm ċirku vizzjuż li mhux jirnexxilna nkissruh. 

Qed ngħid dan mhux b’kundanna lejn dawn in-nies imma b’kundanna lejn is-soċjetà li qed tħalli dejjem aktar nies jintilfu. Jintilfu fil-livell edukattiv, fil-livell soċjali, dak ekonomiku u anki fejn tidħol il-kwalità tal-ħajja. Għax il-kwalità tal-ħajja mhix kemm għandek xogħlijiet differenti, jew kemm irendulek flus, jew id-dħul finanzjarju tiegħek. 

Il-kwalità tal-ħajja hija fuq kollox, l-istat mentali tagħna, is-saħħa, l-għarfien li nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin u d-dritt li kulħadd ikollu l-istess aċċess għat-tagħlim, għall-esperjenzi tal-ħajja. 

Dan mhux tort tal-Gvern, tal-għalliema, tal-gwardjani ta-tfal, tal-ġenituri. Dan hu tort tas-soċjetà sħiħa, kollha kemm hi. 

Li ġara fl-ewwel tas-sena, mhux tort tal-irġiel kif qalet il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa. Anzi, huwa l-estremiżmu ta’ tali fundazzjonijiet li jagħmlu aktar ħsara milli ġid lin-nisa nfushom għax ma jkunux kapaċi jżommu bilanċ u għajnejn miftuħa u jinġarru mis-sentimentaliżmu li jdejjaq lin-nies. 

Il-qofol ta’ kollox hija l-edukazzjoni fit-tfal tagħna. Irid isir assessjar ta’ dak li qed jiġi mgħallma t-tfal tagħna fl-iskejjel. Irridu ninfatmu bis-sillabu ta’ x’taf bl-amment għall-eżamijiet. Iridu nħejju lit-tfal u żgħażagħ tagħna għal dak li toffri l-ħajja. 

Ma nistgħux inpoġġu t-tfal f’bozza għall-ewwel 18-il sena ta’ ħajjithom imbagħad f’daqqa waħda jridu jaraw kif se jiffaċċjaw dak li tagħti l-ħajja, meta jkunu lanqas għadhom ħarġu mill-qoxra taghhom. Dan jappella f’kull settur u qasam, mhux l-anqas ix-xogħol u li wieħed ikun kapaċi jissoċjalizza u jiddibatti bir-raġuni. 

It-tfal u ż-żgħażagħ mhux robots tekniċi li jimxu bil-joystick jew remote. It-tfal sa minn ċkunithom iridu jkunu esposti għal ċertu realtajiet sabiex ikunu kapaċi jieqfu quddiem il-ħażen u jkunu kapaċi jiddeliberaw fis-subkonxju tagħhom dak li jkunu qed jaraw jew jesperjenzaw. U mela nsallbuhom sa 12-il sena li bilfors iridu jattendu duttrini u mużewijiet ħalli jilbsu l-libsa l-bajda fil-praċett u ftit snin wara l-libsa tal-griżma tal-isqof?! 

Sewwa billi tfajjel u ġuvni libbisniehom il-libsa l-bajda, għamilnielhom riċeviment (b’pika biex ikun ikbar minn ta’ sieħbu), imbagħad ta’ 20 sena jgħaddilu minn rasu li jimmolesta jew jabbuża mara u wara joqtolha wkoll! X’ħa mill-praċett jew mid-daqqa fuq ħaddejh tal-Isqof? Dan li rridu? 

Illum, għad kulħadd imħabbat, l-importanti li t-tfal okkupati u għandhom x’jagħmlu. X’jinteressana li jagħmlu sigħat kuljum fuq il-YouTube? X’jinteressana li sa minn meta jiftħu għajnejhom għodu għodu, jaqbdu laptop jew jidħlu Netflix u jibdew jaraw cartoons li l-eroj tagħhom il-ħin kollu jispara fuq dak u l-ieħor? Mhux biex jgħin lil xi ħadd tafux imma biex jakkwista hu. Ehh, imma l-aqwa li qegħdin kwieti. L-aqwa li stajna nagħmlu siegħa overtime u nħalluhom man-nanna jew sibt iċ-ċans biex nagħmel xagħri jew ir-raġel biex ħareġ darba fil-ġimgħa mal-ħbieb tax-xogħol. Meta ma jkollox koppji separati li pika bejniethom min se jħalli l-iktar lit-tfal jagħmlu li jridu ħalli jidhru ħelwin u ma jidhrux koroh mat-tfal! Jew issib min jgħidlek; ‘Ma tarax ma ngħajjatx mat-tifel jew intih daqtejn fuq siequ biex iċempilli 179 għax hekk jgħallmuhom l-iskola’. 

Mhux qed ngħid li xi ħadd għandu jsawwat lit-tfal imma lanqas li kollox jibqa’ għaddej u rispett ta’ xejn għax min ma jġibx rispett lill-ġenituri tiegħu meta għadu żgħir, x’rispett se jġib lil tfalja barranija li tkun qed tgħix fostna jekk jidhirlu li għandu aptit jieħu ftit pjaċir sesswali magħha? Mhux hekk trabba, li jieħu kulma jrid?! Mela kemm kemm m’għandux dritt jistupraha għax hekk biss jaf. 

Wieħed jagħmel tajjeb li ma jiġġeneralizzax u żgur li mhux it-tfal kollha li jagħmlu praċett u griżma jispiċċaw hekk, imma jekk imqar tifel wieħed, jekk imqar ġuvnott wieħed jispiċċa jagħmel reati bħal dawn, allura iva, għandna problema. 

Id-dinjità lill-esseri umani ma ntuhilhomx għax nagħmlu miżuri biex nagħmluha aktar faċli għalihom li jikkontestaw elezzjoni. Id-dinjità jiksbuha huma stess għalihom infushom għax ikollna sistema fis-soċjetà li ttihom ċans jaħsbu, jirriflettu, jibnu l-ideat u l-ħsibijiet tagħhom u jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom. Imma dan l-ispazju, għat-tfal ma jeżistix għax irridu niddeċiedu kollox aħna għalihom, anki xi strument jitgħallmu, xi sport jilagħbu, f’liema klabb tissieħeb. 

Illum nitkellmu fuq polarizzazzjoni u mibegħda, poter, gwadann politiku, diviżjoni bejn is-soċjetà u minn filgħodu sa filgħaxija, ibbumbardjati b’aħbarijiet dwar dan. Aħna bħala pajjiż, lanqas biss konna kapaċi nagħmlu ġimgħa ma nitkellmux fuq politika. Dan fi żmien bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena, fejn suppost ingħaqqadna flimkien biex niġbru għall-istrina u għad-Dar tal-Providenza. Minkejja dan, iż-żewġ partiti ħarġu stqarrijiet jirrispondu lil xulxin. Issa jien kulħadd jaf mil-liema partit ġej u x’inhu t-twemmin politiku tiegħi, imma possibbli, għax irriżenja deputat, kellna bilfors nassistu għal stqarrijiet partiġġjani anki lejliet il-Milied, miż-żewġ partiti ewlenin?! Lanqas kapaċi bħala soċjetà nastjenu għal ġimgħa waħda biss minn dak li nisimgħu fil-kumplament tal-51 ġimgħa oħra tas-sena? 

Għaliex irridu bilfors nimmanipulaw il-ħsieb tagħna u ta’ oħrajn b’ideoloġija politika? M’għandna xejn newtrali fit-tessut soċjali tas-soċjetà u jekk ninjoraw dan il-fatt, se nibqgħu nikkreaw vulnerabbiltà li aktar iva milli, se tibqa’ tiġi abbużata għax m’hemmx fiduċja vera bejn xulxin. Naħsbu li għax nieħdu b’idejn xulxin, għax nagħtu l-awguri, bħal donnu kollox qiegħed għan-normal. Imma anki dan, ħafna drabi jsir bi ħsibijiet ulterjuri u dlonk tħoss tingiża ta’ ponta ta’ sikkina kiesħa fix-xewka ta’ dahrek. 

U allura filwaqt li mhux ġust u huwa kundannabbli dak li ġara lit-tfajla Pollakka, bħala soċjetà rridu wkoll nġorru parti mill-piż tal-ħtija għalfejn pajjiżna għadu jara avvenimenti bħal dawn. U ħa nkun ċar, is-soċjetà mhix magħmula mill-Partiti politiċi biss. Hemm diversi stakeholders oħra li għandhom ħabta joqogħdu b’idejhom fuq żaqqhom u meta jfettilhom joħorġu xi stqarrija biex jidhru ħelwin. Hemm ħafna minnhom dawn li jħobbu jaħbu jdejhom f’xi pjaneta li ma jmurx jiksħulhom, imma jibqgħu siekta għax jafu li huma wkoll fallew għax baqgħu konservattivi fit-tagħlim tagħhom bl- iskuża li r-reliġjon ma tinbidilx maż-żmien għax dak it-tagħlim ta’ Kristu u r-regoli jibqgħu regoli. Żgur li dak li seħħ fil-bidu tas-sena ma kienx fuq ix-xewqa ta’ Kristu. Imma inutli tipprietka minn fuq l-ambone meta mbagħad familji sħaħ jiġu bżonnok, tgħidilhom li ma kontx taf x’se jiġri! Dak l-atteġġjament inissel rabja u dik ir-rabja twassal għal ċertu atti u azzjonijiet. 

Nifhem li jkun hemm min jgħid li qed inħallat xi ħaġa m’oħra imma ma naħsibx u ma naqbilx għaliex kull azzjoni għandha reazzjoni u dan huwa piż li jrid jerfa’ parti minnu kulhadd. 

Irridu nifhmu li hemm għażliet li jsiru fuq livell edukattiv sa minn età żgħira, li jaffettwaw tajjeb jew ħażin, il-mod kif it-tfal jibdew jissoċjalizzaw, kemm jaċċettaw diversità, integrazzjoni, u oħrajn. Dawn l-għażliet għandhom konsegwenzi fit-tul fuq it-tessut tas-socjetà tagħna, u dawn il-konsegwenzi jiġru u rridu nġorru r-responsabbiltà tagħhom bħala soċjetà sħiħa, irridu jew ma rridux. 

Jekk verament irridu li nibnu pontijiet biex azzjonijiet bħalma kellna ma jsirux, irridu nfasslu strateġija li tkun imnebbħa u mibnija fuq dak li tassew u verament irridu nottjenu, altrimenti, wisq nibża’ li dan hu każ bħal ħafna li kellna fil-passat u li għad irid ikollna fil-futur. 

Ekonomija

Sport