Home Aħbarijiet Lokali “It-tfal kibru u għadhom jistennew ġustizzja mill-mewt ta’ missierhom” 

“It-tfal kibru u għadhom jistennew ġustizzja mill-mewt ta’ missierhom” 

0
“It-tfal kibru u għadhom jistennew ġustizzja mill-mewt ta’ missierhom” 

– Omm titkellem ma’ dan is-sit dwar il-qtil ta’ missier ulieda liema qtil kien seħħ f’Għawdex f’Jannar tal-2018

Kien f’Jannar tal-2018 meta f’għalqa fl-Għarb kien inqatel Walid Salah Abdel Motaleb Mohamed, missier ta’ żewġt itfal. Dan il-ġurnal tkellem ma’ omm it-tfal li llum għandhom 16 u 14-il sena fejn għal ħin twil baqgħet tinsisti b’qalba maqsuma li wlieda jridu ġustizzja.

L-awtopsja fuq il-katavru ta’ Walid Salah Abdel Motaleb Mohamed kienet ikkonfermat li hu nqatel b’żewġ tiri sparati mill-viċin, wieħed f’għonqu u l-ieħor f’sidru.

“Ilu 8 snin li nqatel missier uliedi. Kienu għadhom żgħar ħafna. Dakinhar lanqas biss kont naf x’se naqbad ngħidilhom… iżda llum li kibru jistaqsu ħafna mistoqsijiet dwar għaliex seħħ hekk lill-għażiż missierhom,” hekk stqarret magħna l-omm tat-tfal li wara 8 snin għadhom qegħdin jistennew ġustizzja.

Tgħidilna li mhux ġust li wliedha għad iridu jerġgħu jiftħu l-feriti kollha tal-mewt ta’ missierhom hekk kif jibda l-ġuri u s’issa ma hemm l-ebda indikazzjoni meta dan jista’ jibda.

Kien fl-2022 meta l-Avukat Ġenerali ħarġet l-att tal-akkużi fil-konfront ta’ Serb li jinsab mixli bil-qtil ta’ Walid. 

L-omm tgħid li missier uliedha li hu Eġizzjan kien raġel b’qalb kbira. “Għawdex kien jafu kulħadd. Kien jgħin ħafna nies permezz tax-xogħol tiegħu. Niftakar kienu ċempluli l-pulizija li riedu jkellmuni fejn imbagħad informawni li kienu sabu lill-missier uliedi f’għalqa fl-Għarb mejjet,” tgħid imbikkma l-omm.

“Inħoss li mhux għalija biss, iżda għal uliedi hemm bżonn li dan il-kapitlu jingħalaq malajr kemm jista’ jkun. Kif tista’ tibda tfieq meta taf li għad irid jinstema l-każ. Uliedi llum għalkemm għadhom minuri jaqraw il-ġurnali u jsegwu kollox fuq il-midja soċjali… għalkemm forsi mhux se jkunu preżenti fl-awla meta jinstema l-ġuri xorta waħda se jkunu qegħdin isegwu kollox minn fuq il-midja… u jistaqsu… għaliex inqatel? għaliex missieri kellu jmut b’dan il-mod,” tgħidilna l-omm.

L-omm tgħidilna li tifhem li kulħadd għandu dritt għall-libertà proviżorja, u tifhem li l-allegat qattiel ma setax jibqa’ jinżamm arrestat, “iżda wliedi qegħdin isofru minn anzjetà kbira hekk kif jafu li dak li jista’ jkun li temm ħajjet missierhom qiegħed jiġri barra.”

“Jibżgħu… iva jibżgħu. Ġieli jaraw lil xi ħadd fit-triq u jaħsbu li hu l-allegat qattiel… 

Kif jista’ jkun issa għaddew dawn is-snin kollha u baqa’ ma sarx il-ġuri…” itenni l-omm filwaqt li tgħid li l-allegat qattiel ta’ missier uliedha kien tressaq il-Qorti fl-2022 u ngħata l-ħelsien mill-arrest fl-2024.

“Uliedi jafu li lill-missierhom mhux se jarawh aktar… iżda jafu wkoll li s-suspettat ewlieni fil-qtil ta’ missierhom issa ilu sentejn jiġri barra bil-ħajja kompliet qisu qatt ma ġara xejn. F’isem uliedi qiegħda nitlob biex issir ġustizzja u dan il-każ jingħalaq maljar kemm jista’ jkun,” itenni l-omm mal-ġurnal IT-TORĊA filwaqt li tinfaqa’ tibki.

Meta seħħ il-każ u bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mal-qtil tal-Eġizzjan, fl-investigaturi kellhom filmat ta’ CCTV li nġabru minn Triq Fortunato Mizzi, fir-Rabat, Għawdex u li fih, l-Eġizzjan jidher jirkeb fuq in-naħa tal-passiġġier, f’karozza BMW ta’ lewn skur, possibilment ftit ħin biss qabel inqatel b’żewġ tiri.

Il-filmat inġibed bejn nofs il-lejl u s-siegħa ta’ filgħodu ta’ meta seħħ il-każ. 

Huwa instab maqtul xi tmien sigħat wara fi trejqa qrib razzett fl-Għarb. Il-Pulizija hija konvinta li huwa nqatel fil-post fejn instab, żona imwarba viċin il-kappella ta’ San Dimitri.

Dwar dan il-każ, Aleksander Stojanovic, Serb qiegħed jistenna li jgħaddi ġuri.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here