Sunday, December 22, 2024

“It-tfal u t-tilqima… Ġenituri jiġru biex ilaqqmuhom, oħrajn jippreferu jistennew”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Issa li t-tiqlima tal-Pfizer kontra l-Covid-19 ġiet awtorizzata għall-uzu fit-tfal ta’ bejn il-ħames u l-11-il sena, il-ġenituri u l-gwardjani jridu jiddeċiedu jekk jagħtuhiex lil uliedhom jew le. Preżentanent fl-Istati Uniti hemm ġenituri li qegħdin jiġru biex ilaqqmu lil uliedhom mentri hemm oħrajn li minħabba biża’, qegħdin jippreferu jistennew ftit żmien jgħaddi ħalli jaraw jekk jirriżultawx xi effetti negattivi wara t-tilqima. 

Minn studji li saru s’issa l-maġġoranza tal-esperti jemmnu li t-tilqima f’din il-faxxa tal-età għandha tittieħed għax hija sigura u effettiva. Iżda, minħabba li hemm inċertezza żgħira minn mudell maħdum mill-Assoċjazzjoni tal-Mediċini u l-ikel (FDA), hemm esperti li assiguraw li “ma jimpurtax jekk wieħed jistenna ftit”.

L-Għaqda Dinja tas-Saħħa (WHO) u l-maġġoranza tal-esperti fis-settur jixtiequ jaqsmu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni mal-ġenituri billi jwasslulhom it-tagħrif kollu dwar is-sigurtà, l-effiċjenza u l-effetti possibbli li jista’ jkollha t-tilqima tal-Covid-19 f’dawn it-tfal. Fl-aħħar mill-aħħar però, din id-deċiżjoni se tibqa’ f’idejn il-kuraturi tal-istess tfal.

Il-Covid-19 jolqot lit-tfal ukoll

Qabel kollox, waħda mill-aktar affarijiet importanti hija li nkunu konxji li l-Covid-19 infetta anke lit-tfal. Fl-Istati Uniti waħdu l-istatistika taċ-Ċentru għall-Kontroll tal-Mard (CDC), turi li kien hemm aktar minn 1.9 miljun każijiet ta’ Covid-19 fi tfal fl-etajiet ta’ bejn il-ħames u t-11-il sena. Aktar minn 8,300 tifel u tifla f’din il-faxxa kellhom bżonn jiddaħħlu fl-isptar u terz minnhom spiċċaw fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Total ta’ 94 tfal mietu kawża tal-pandemija.

Issa li hemm tilqima approvata, il-maġġoranza tal-esperti jridu li l-ġenituri jkollhom il-fatti kollha li għandhom bżonn biex ma jibżgħux jagħtu t-tilqima tal-Pfizer lit-tfal tagħhom. Barra statistika ta’ każijiet u dettalji tal-kundizzjonijiet fiżiċi li kienu fiha t-tfal infettati bil-Coronavirus, id-WHO, is-CDC u l-FDA, qegħdin iwasslu tagħrif estensiv lill-pubbliku dwar il-prevenzjoni u x’jista’ jkun hemm bħala effetti negattivi kemm minn infezzjoni tal-virus, kif ukoll mit-tilqim stess, anke jekk dan tal-aħħar iseħħ f’perċentwali żgħar ħafna.

Studji speċifiċi fuq it-tfal juru li t-tilqima hija sigura

Waħda mid-dubji li għandhom għadd ta’ ġenituri hija dik li t-tilqima tal-Covid-19 fit-tfal għadha mhiex studjata biżżejjed dwar x’effetti negattivi li jista’ jkollha f’ġisem li għadu jiżviluppa.

Rigward dan, rapporti juru li t-tilqim ta’ kontra l-Coronavirus ġie studjat b’mod estensiv u li qabel ma ġie approvat għadda mill-istess proċeduri ta’ sigurtà bħal kull tilqima oħra qabilha. Dawn jinkludu studji xjentifiċi, rakkomandazzjonijiet u assessjar ta’ riskju mill-FDA u mis-CDC.

Studji ġodda li saru fuq tfal ta’ bejn il-ħames u l-11-il sena juru li t-tilqima hija sigura u effettiva bħalma hija fl-adulti u fl-adoloxxenti. Grupp ta’ 2,250 tfal volontieri ta’ bejn il-ħames u l-11-il sena ħadu sehem fi studju li wera li t-tilqima hija 90.7% effiċjenti. It-tfal kollha ngħataw żewġ dożi ta’ 10 mikrogrammi, li hija terz tad-doża wżata fl-adulti u l-adoloxxenti, mogħtija f’darbtejn fi spazju ta’ 21 ġurrnata.

It-tfal f’din il-faxxa tal-età għandhom sistema immunitarja aktar b’saħħitha minn dawk akbar minnhom u għaldaqstant jistgħu jieħdu dożi inqas qawwija u xorta waħda jipproduċi l-antibodies meħtieġa biex ikunu protetti mill-Covid-19.

Huwa rrapportat li ma kien hemm ebda problemi tas-saħħa kkawżati mit-tilqima fil-gruppi msemmija. L-istudju però, għandu għaddej bħalma għadhom għaddejjin l-istudji fil-każijiet ta’ adulti li ħadu din it-tilqima.

Il-biża’ tal-effett negattiv fuq il-qalb…

Minħabba li kien hemm rapporti ta’ każijiet fost adoloxxenti u ġuvintur b’effett negattiv ta’ “Myocarditis” wara t-tilqima, għadd ta’ ġenituri qegħdin jistaqsu jekk dan jistax iseħħ anke fit-tfal ta’ bejn il-5 u l-11-il sena. Myocarditis hija kundizzjoni li fiha sseħħ infjammazzjoni fil-muskoli tal-qalb u/jew il-madwar.

L-esperti jinsistu li każijiet ta’ dan it-tip kienu rrapportati f’perċentwali żgħar ħafna u jekk tiżviluppa b’infezzjoni “normali” tal-Covid-19 l-effett negattiv tal-virus ikun aktar serju. Barra minnhekk, li ħafna forsi ma jafux, skont l-istess esperti l-Myocarditis tfieq waħidha wara li tittieħed tilqima. Huma jsostnu li l-pazjenti li jkollhom dan l-effett wara t-tilqima tal-Covid-19, “normalment ifiequ malajr u mhux se jkollhom effetti fit-tul fuq qalbhom”.

Jingħad li, bħal fil-każ tal-adulti, il-benefiċċji tat-tilqima kontra l-Covid-19 oriġinali huma akbar mir-riskju ta’ Myocarditis. Mit-testijiet kliniċi tal-Pfizer li saru fost il-volontiera tfal irriżulta wkoll li ebda wieħed mill-parteċipanti ta’ bejn il-ħames u l-11-il sena ma żviluppa din il-kundizzjoni. 

Kull tħassib li hemm dwar is-sigurtà tat-tilqima tal-Covid-19 għandhom ikunu mqabbla mal-perikli akbar u kkonfermati minn infezzjoni bil-Coronavirus. Għalkemm it-tfal ġeneralment ikollhom sintomi eħfef minn dawk fl-adulti, xi tfal bil-Covid-19 sofrew minn infezzjonijiet qawwija fil-pulmun, mardu ħafna u kellhom bżonn jiddaħħlu fi sptar. 

L-esperti jwissu li t-tfal li jfiequ anke minn infezzjoni ħafifa tal-Covid-19 huma f’riskju li aktar tard f’ħajjithom jiżviluppaw diżordni ta’ infjammazzjoni fis-sistema multi magħrufa bħala “MIS-C”. Din il-kundizzjoni hija pjuttost perikoluża minħabba li tikkawża infjammazzjonijiet f’organi differenti tal-ġisem fosthom il-qalb, il-fwied, il-pulmun, il-moħħ, il-ġilda u l-għajnejn.

“Ma jimpurtax jekk tistennew ftit”

L-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ emerġenza mill-FDA ngħatat ukoll minn informazzjoni miġbura minn mudell li saħħaħ l-argument li t-tfal jibbenefikaw jekk jingħataw it-tilqima kontra l-Covid-19. Dan il-mudell ħareġ bi tbassir ta’ xenarji possibbli ta’ kemm jista’ jkun hemm tfal li jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar minħabba l-Myocarditis. Dan il-mudell però, mexa fuq ir-rata ta’ Myocarditis fi tfal ta’ bejn it-12 u s-17-il sena minħabba li l-inċidenza ta’ dawn il-każijiet mhiex magħrufa fit-tfal ta’ bejn il-ħames u l-11-il sena.

Għalkemm dan il-mudell mill-FDA jħeġġeġ li tingħata t-tilqima anke f’din il-faxxa ta’ età, f’waħda mis-sitwazzjonijiet possibbli jingħad li “jista’ jkun hemm iktar każijiet ta’ tfal li jkollhom bżonn jidħlu fl-isptar u fit-taqsimiet tal-kura intensiva minħabba Myocarditis b’konnessjoni mat-tilqima meta mqabbla man-numru ta’ rikoveri fi sptarijiet u taqsimiet tal-kura intensiva minħabba infezzjonijiet bil-Covid-19”.

Minħabba f’hekk, numru ta’ esperti qalu li, “hemm inċertezzi żgħar ħafna. Wisq probabbli t-tilqima fl-aħħar mill-aħħar se tkun ta’ benefiċċju għat-tfal iżda fl-istess ħin hemm ċans żgħir li mill-inqas se jkun hemm xi gruppi ta’ tfal li jesperjenzaw effetti negattivi. Għaldaqstant, f’dawn il-każijiet, il-linji gwida għandhom mnejn ikunu riveduti”.

Minħabba f’hekk, għadd ta’ esperti tas-sigurtà tal-mediċini qegħdin jgħidu li ma jimpurtax jekk il-ġenituri jistennew ftit biex jagħtu t-tilqima lil uliedhom. Fosthom hemm Dott Walid Gelad, assistent professur fl-Università ta’ Pittsburgh u l-Professur Stefan Baral mill-Johns Hopkins Bloomberg School li qalu pubblikament li l-ġenituri li mhumiex ċerti m’għandhomx għalfejn jgħaġġlu fid-deċiżjoni tagħhom.

L-esperti jgħassu kull żviluupp…

Is-CDC jassigura li qiegħed isegwi kull żviluppi biex jaċċertaw ruħhom li t-tilqima hija sigura fit-tfal. Tagħrif fuq is-sit jgħid li: –

* It-tilqima kontra l-Covid-19 tista’ tingħata ma’ tilqim ieħor inkluża dik tal-influwenza;

* Każijiet ta’ problemi serji fis-saħħa wara din it-tilqima huma rari;

* Każijiet ta’ Myocarditis fi tfal ta’ bejn it-12 u s-17-il sena wara t-teħid tat-tilqima minn Pfizer kienu rrapportati fi studju partikolari (54 każijiet għal kull miljun doża mogħtija f’subien f’dawn l-etajiet);

* Allerġiji qawwija bħal “Anaphylaxis” jistgħu jseħħu wara kull tilqima, inkluża dik tal-Covid-19, imma dawn huma rari wkoll;

* It-tfal ma jistgħux ikunu infettati bil-Coronavirus wara li jieħdu t-tilqima kontrih minħabba li s-sistema wżata hija dik tal-mRNA;

* M’hemm ebda evidenza li turi li t-tilqim kontra l-Covid-19 tikkawża infertilità.

Ekonomija

Sport