Saturday, April 27, 2024

“Irridu nkomplu nkabbru l-għarfien tal-Maltin dwar il-potenzjal fl-industrija tal-films”

Aqra wkoll

Johann Grech ilu jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju Malti għall-Films sa minn Diċembru 2017. In-namra għax-xandir u partikolarment il-films ilha miegħu sa minn meta kien żagħżugħ. Qabel din il-kariga, hu serva bħala l-kap tal-marketing tal-Gvern għal ħames snin sħaħ. 

Sa minn meta nħatar fit-tmexxija tal-Kummissjoni tal-Films, ħadem qatigħ sabiex aktar produtturi barranin jagħżlu lil Malta bħala d-destinazzjoni tagħhom tant li l-qligħ iġġenerat hu sal-lum sostanzjali, dak ta’ €150 miljun. 

Fis-sena 2018, Grech nieda il-masterplan għal Malta Film Studios – investiment ta’ €35 miljun. Għalkemm l-istorja tal-films f’Malta tmur lura għal madwar mitt sena, kien biss fis-sena 2000 li ġiet mwaqqfa din il-kummissjoni bl-għan li tagħti sostenn lill-komunita’ ta’ produtturi lokali filwaqt li jissaħħaħ dan is-settur ferm importanti f’pajjiżna.

Grech hu meqjus bħala bniedem b’viżjoni kbira lejn il-futur ta’ dan is-settur tant li implimenta ukoll strateġija sabiex l-industrija tal-films tqum fuq saqajha u dawn l-isforzi kollha taw il-frott għax Malta ġiet imfittxija aktar minn produtturi barranin, anke fi żmien il-pandemija. 

Iltqajt ma’ Johann Grech fejn staqsejtu xi mistoqsijiet dwar din l-industrija tant importanti f’pajjiżna.

Grech beda biex faħħar il-ġenerazzjonijiet ta’ qabel li għamlu mezz sabiex jitwieled u jimraħ dan is-settur fil-gżejjer Maltin. Hu semma’ t-tankijiet li nbnew u li kienu mezz importanti sabiex ċerti produzzjonijiet li jirrikjedu effetti speċjali ikunu jistgħu jitwettqu f’ambjent kontrollat u sigur. Minkejja kollox, dawn il-faċilitajiet ser ikomplu jiġġeddu bl-investiment ser ikompli tal-Masterplan.

“Qed naħdmu sabiex ninvestu madwar €35 miljun sabiex barra l-faċilitajiet eżistenti jkollna l-ewwel soundstages f’Malta huma importanti hafna ghal l-industrija tal-films f’pajjzina. Barra minn hekk ser naċċertaw li l-industrija tal-films ser tibda toħloq il-karrieri. Qed naħdmu qatigħ sabiex dan kollu jsir realta’.”

Grech qalilna li l-industrija tal-films f’pajjiżna hi storja ta’ suċċess u din l-ambizzjoni trid tkompli tiġġedded anke għan-nies li ġejjin warajna.

Għal dan l-għan, Grech flimkien mal-membri l-oħra li jiffurmaw il-Malta Film Commission, ħasbu biex iħejju avveniment ta’ livell għoli f’pajjiżna u li jkun wieħed memorabbli. Fil-fatt hu kkonfermat li fid-29 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla se jsiru l-Malta Film Awards, avveniment li hu ferm mistenni ghal dawk kollha li jahdmu fil-films u t-televizzjoni f’pajjiżna. Iżda x’inhu l-għan ta’ din is-serata?

“Nixtiequ nagħtu rikonoxximent lil crew u t-talent lokali kollhu li bis-shih fil-industrija taghna tal-kreativita. Se tkun ċelebrazzjoni biex nippremjaw il-kreativita’. Jien nara wkoll li dan l-avveniment se jkun riklam b’sahtu għal Malta.”

Il-Kummissarju għall-Films f’Malta saħaq li din hija l-ewwel darba li diversi entitajiet fi ħdan il-Gvern fosthom il-Public Broadcasting Services qed jingħaqdu flimkien biex jippremjaw it-talent u l-kreattivita ta’ din l-industrija. 

Iżda x’kien ir-rispons mill-produtturi lokali għal dawn l-awards li se jsiru?

“Nista’ ngħidlek li apparti r-rispons li rcivejna, stajna naraw ukoll entużjażmu minn dawn il-produtturi li sa fl-aħħar se jaraw xogħolhom jiġi rikonoxxut. Ridna nkunu inklussivi fejn ikludejna s-sottomissjonijiet ta’ produtturi li jaħdmu fuq it-televixin u oħrajn li jipproduċu films b’mod ġenerali. L-applikazzjonijiet qed jiġu analizzati minn ġurija lokali u internazzjonali mis-settur kreattiv.”

Ċertament li avveniment bħal dan li hu tliet xhur ‘il bogħod jitlob ippjanar bir-reqqa. Grech qalilna li hu flimkien mat-tim tiegħu ilhom jaħdmu għal dawn l-aħħar tmien xhur sabiex jaraw li din is-serata tkun waħda memorabbli. Hu tenna li jrid joħloq spettaklu uniku u qed jaħdmu qatigħ sabiex il-poplu Malti jkun jista’ jgawdi din iċ-ċelebrazzjoni.

Meta staqsejnieh jekk il-gżejjer Maltin joffrux biżżejjed postijiet attraenti sabiex produttur jitħajjar jiġbed hawn Malta, Grech ikkonferma dan kollu.

“Malta kapaċi tkun destinazzjoni versatili ħafna. Il-postijiet li għandna fil-gżejjer Maltin huma uniċi u diffiċli ssib bħalhom. Biss biss f’ċerti films partikolari li nġibdu hawnhekk minn produtturi barranin, Malta libset xenarju differenti għal kollox filwaqt li setgħet tirrifletti sitt pajjiżi differenti. Din għamilha Stephen Spielberg fuq il-film rinomat “Munich”.”

Grech qal li fil-Malta Film Awards ser ikunu involuti ukoll anke l-Kunsilli Lokali u l-Ministeru tal-Kultura, Arti u Gvern Lokali biex tiġi premjata l-“Best Film Location”. 

Hu faħħar ukoll il-ħidma tal-Ministru għat-Turiżmu l-Onorevoli Clayton Bartolo li dejjem sab għajnuna kbira mingħandu qed jahdmu flimkien biex isahhu l-industrija tal-films f’pajjizna

“Jien nemmen li s-suċċess tagħna hu s-suċċess ta’ kulħadd, għax fl-aħħar mill-aħħar kulħadd jigwadanja minn dawn il-kisbiet.”

Il-messaġġ hu wieħed ċar. Il-Maltin għandhom ikunu parti minn dan is-suċċess u diversi entitajiet qed jagħżlu li jaħdmu mal- Kummissjoni tal-Films għax jafu dwar il-potenzjal li qed toffri din l-industrija.

F’din l-intervista ma stajtx ma nsemmix il-pandemija tal-COVID-19 li laqtet fil-laħam il-ħaj diversi setturi fosthom dak ċinematografiku.

“Qabel il-COVID, l-industrija tal-films kienet qed tesperjenza influss ta’ produtturi barranin li ma kienx biss wieħed staġjonali. Hdimna biex nissalvagwardjaw il-jobs ta’ kull min ġie milqut ħażin bil-COVID f’din l-industrija, aċċertajna li naħdmu ukoll fuq pipeline qawwi ta’ produzzjonijiet li kienu lesti biex jiffilmjaw malli l-pajjiż reġa infetaħ f’Lulju tal-2020 – u rnexxielna. Minn Lulju tal-2020 s’issa Malta ma waqfitx tattratta produzzjonijiet ta’ kull daqs u għamla. Bdejna bil-blockbuster “Jurassic World: Dominion” li huwa l-ewwel film tal-kobor tiegħu li ser juri lil Malta bħala Malta fl-istorja. Ilkoll eċitati biex naraw lil pajjiżna esebita f’dan il-film fiċ-ċinema f’Ġunju tal-2022. Illum kburi ngħid li ħerqan għaż-żmien li ġej u nemmen li ser inkomplu jkollna suċċessi kbar f’dan il-qasam.

Grech semma’ wkoll li ma’ kull min jiltaqa’ hemm dik il-ħeġġa u entużjażmu sabiex ikun hemm żvilupp enormi f’dan is-settur. Hu rringrazzja diversi istituzzjonijiet edukattivi fosthom l-MCAST u l-Universita’ ta’ Malta li qed joffru korsijiet proprju fuq l-industrija tal-films. Qed nahdmu biex fiz-żmien li gej, jkollna aktar ħaddiema jaħdmu f’dan il-qasam kulma jmur aktar qed jersaq. 

L-aħħar messaġġ ta’ Johann Grech kien wieħed sempliċi iżda effettiv.

“Irridu nkomplu nkabbru l-għarfien tal-Maltin dwar il-potenzjal li nsibu fl-industrija tal-films. Irridu nħarrġu aktar nies sabiex ikollna ħaddiema futuri li jkollhom il-viżjonighall-generazzjonijiet li jmiss. B’hekk biss l-industrija tal-films tkompli tkun waħda sostenibbli u World-class.”

Sport