Saturday, November 16, 2024

It-theddida tal-Lemin Estrem… sejħa biex il-politiċi ma jinjorawx aktar din it-theddida

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

Kien f’Marzu tas-sena 2019 meta terroristi tal-lemin estrem qatlu 51 persuna f’moskeja fi Christchurch fi New Zealand. Kien  attakk li xxokkja d-dinja bħal ħafna attakki oħrajn.  Inkwetanti hu l-fatt li gruppi estremisti qalbu f’diversi lingwi dak li kien issejjaħ bħala ‘The Great Replacement’. It-teorija li kienet fil-manifest ta’ dak li wettaq l-attakk terroristiku fi Christchurch.  Din it-teorija, tuża propaganda biex ixxerred il-mibegħda tal-lemin estrem. Manifest li jitkellem fuq ‘ġenoċidju tal-bojod’ u li skont il-manifest li kien ħejja dak it-terrorist, dan jista’ jitwaqqaf biss bi gwerra ċivili etnika.  Jattakka l-femministi u jgħid li dawn qed jgħinu għal dan il-ġenoċidju tal-bojod  minħabba it-tnaqqis fir-rata tat-twelid. 

Din hi narrativa li fl-aħħar xhur, b’mod jew b’ieħor għaqqdet diversi gruppi tal-lemin estrem.  Gruppi estremi tal-lemin madwar id-dinja inkluż fl-Ewropa qed juża bħala bażi dan il-manifest.

Kummissjoni li kienet twaqqfet fi New Zealand  qiegħda ssejjaħ biex titwaqqaf aġenzji kontra it-terrorżimu. Dan il-bżonn qed jinħass minħabba li s-servizz sigriet fi New Zealand, dejjem iffoka b’mod esklussiv fuq it-theddid mit-teroriżmu mill-IKslamd  u ftit li xejn fehem it-theddida tal-lemin estrem. 

Din il-Kummissjoni illum għandha messaġġ mhux biss għal New Zealand imma għad-dinja kollha. Qiegħda tisħaq li hu żbaljat li titratta il-lemin estrem bħala li hu ta’ theddida biss f’dak li hu terroriżmu.

Sfortunament ħafna pajjiżi, inkluż pajjiżna meta jiġi biex jitratta l-mibegħda u d-diskorsi ta’ mibegħda, spiss jagħżel li jissepara l-kwistjonijiet li hemm marbuta ma’ dan. Nisseparaw  il-vjolenza ta’ rutina li ġġib il-mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda  u l-attakki terroristiċi li jsiru minn persuni b’dan it-twemmin. Narawhom li mhumiex fuq l-istess livell.  Il-messaġġi li joħorġu minn dan imbagħad huma diversi. Min jaħseb li mhux xi ħaġa gravi li tikteb jew li thedded b’razza, reliġjon jew bil-kulur tal-ġilda fost oħrajn.  Dan irid jieqaf jekk verament irridu niġġieldu il-lemin estrem.  Ma jistax wieħed jagħlaq għajnejh.

Ovvjament, l-attakki terroristiċi minn naħa ta’ indivdwi tal-lemin estrem jaqgħu fir-responsabbiltà tal-istrutturi tal-istat, waqt li d-diskors u kliem ta’ mibegħda jaqa’ taħt l-oqsma tal-ġustizzja u dak li jissejjaħ żamma tal-ordni reattiva. Din tifsser li l-Pulizija jirreaġixxu għal talbiet speċifiċi mill-komunità, minn gruppi fil-komunità jew individwi.  Nistaqsu kemm verament isir dan? Kemm tressqu nies quddiem il-qrati fuq mibegħda u kliem ta’ mibegħda? Il-problema hi li għadna ma nemmnux li hemm rabta bejn diskors ta’ mibegħda u attakki li jistgħu jseħħu.

Illum, konxji ferm u ferm aktar minn qatt qabel li ż-żieda fit-theddida tal-lemin estrem tiġi miġġielda u mirbuħa kemm politikament u anke fuq livell ta’ kommunità.  It-trattament tal-estremiżmu tal-lemin estrem bħala kwistjoni ta’ infurzar tal-liġi biss, qed twassal għal falliment biex il-gvernijiet jikkontrollaw il-firxa ta’ din il-mibegħda.

Kif iġġieldu l-lemin estrem fi Kreta… “Ideat estremi mhux posthom f’Heraklion”

F’diversi pajjiżi madwar l-Ewropa konna qegħdin naraw kif gruppi tal-lemin estrem kienu qed jerfgħu rashom. F’ħafna każi konna qed naraw il-lemin estrem juża l-popoliżmu biex ikabbar il-popolarità tiegħu. F’xi każi din it-tattika irnexxiet. Rajna kif fl-Italja, il-popoliżmu kien ingħata fiduċja u rajna anke partiti oħra bħal fl-Awstrija u anke l-Polonja fejn dawn il-partiti kellhom appoġġ tajjeb.

Ma’ dawn imma hemm stejjer oħrajn. Stejjer fejjn minkejja tentattivi minn partiti estremisti biex ikabbru l-appoġġ, dawn mhux biss ma qabdux art imma saħansitra ġew imkeċċijin.

Wieħed minn dawn il-każi seħħ fil-belt ta Heraklion fi Kreta.  Żona partikolari f’Heraklion kienet qed tintuża minn attivisti tal-partit estrem ‘Golden Dawn’. Dan hu partit estrem Grieg.

Bdew jikkunttattjaw lill-persuni vulnerabbli u bi problemi

Fatt interessanti hu l-mod kif l-attivisti ta’ Golden Dawn ippruvaw jibnu popolarità f’din il-belt. Marru f’parti partikolari fejn wieħed isib diversi problemi soċjali. Hemm bdew iżuru l-kafeteriji u l-gym’s. Bdew jitkellmu ma’ studenti u nies oħra bi problemi u bdew jippreżentaw ruħhom bħala li huma protetturi tal-familji. Minn hemm bdew ituhom lezzjonijiet ta’ tagħrif dwar l-istorja tal-Greċja.

 Bil-mod il-mod dan il-partit beda jżid l-attivisti.  Bħal sajjetta fil-bnazzi faqqa’ każ li ħoloq diskussjoni kbira fi Kreta. Il-każ kien dak fejn żewġ ħaddiema  Pakistani ġew feruti b’daqqiet ta’ sikkina. Ħafna bdew jistaqsu x’qed jiġri. Dawn ingħataw id-daqqiet ta’ sikkina fiż-żona fejn kienu attivi l-attivisti ta’ Golden Dawn.

Il-partit ħa żvolta wara l-kriżi finanzjarja fil-Greċja

Il-Partit Golden Dawn twaqqaf fis-sena 1980. Kien baqa’ partit żgħir. Biss meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja fil-Greċja, eżattament fis-sena 2009, dan il-partit ħa żvolta. Ħafna u ħafna nies tilfu l-fiduċja fil-partiti politiċi ewlenin.  In-narrativa li bdew jirrepetu l-attivisti u l-politiċi ta’ Golden Dawn kienet dik li nazzjon kbir bħal Greċja tkisser minħabba l-immigrazzjoni. Narrattiva li ħafna emmnuha. Fi żmien qasir, Golden Dawn saru it-tielet l-akbar partit fil-Parlament Grieg.

Interessanti hu dak li tgħid il-Professur mill-Università ta’ Reading Daphne Halikiopoulou. Hi tisħaq li ‘Golden Dawn tmur f’żoni fejn l-attivisti jkunu jafu li jistgħu jibnu l-preżenza tagħhom u jkabbru  l-poplarità.”

Hekk ġara f’Heraklion. Huma marru f’subborg fil-parti tal-lvant ta’ din il-belt. Iż-żona hi dik ta’ Nea Alikarnassos.  Żona li fiha jgħixu l-ħaddiema. Żona li għandha storja li fiha dejjem għexu immigranti mill-Asja u mill-lvant tal-Ewropa. Ħafna residenti f’dan is-subborg huma impjegati fil-qasam tal-kostruzzjoni. Bil-kriżi finanzjarja ħafna minnhom spiċċaw bla xogħol. MIngħajr ħafna daqq ta’ trombi u fil-kwiet, Golden Dawn fetħu l-uffiċċju tagħhom f’din il-parti. 

Imma bdew isibu reżistenza

Ġara iżda li l-preżenza tagħhom ġiet innutata.  Diversi gruppi anti faxxisti bdew jingħaqdu bejniethom biex jiġġieldu lil dan il-partit. Ma ridux li jingħata ċans li jaqbad art fi Kreta. Bil-kliem ħafna bdew jgħidu li ma ridux lil Golden Dawn u li ma kinux lesti ituhom appoġġ. Biss ftit kienu dawk li resqu l-quddiem għal azzjoni kontra dan il-partit estrem. Il-ġlieda ma kinitx faċli. Dawk li kienu lesti ikunu parti minn azzjoni kontra l-lemin estrem, kienu ftit wisq u mhux biżżejjed biex isegwu lil dan il-partit estem u l-attivisti tiegħu.

Jinbidel kollox f’Settembru tas-sena 2012

Iċ-ċirkorsanzi inbidlu f’daqqa f’Settembru tas-sena 2012.  Rapper prominenti u li kien kontra l-faxxiMu Pavlos Fyssas, inqatel. Saru protesti kbar kontra dan il-qtil. Kien allegat li fil-qtil seta’ kien hemm involuti l-membri tal-partit Golden Dawn. Filfatt l-investigazzjonijiet tal-Pulizija iffukaw sew fuq attivisti ta’ dan il-partit u 69 membru inkluż il-mexxej Nikolaos Michaloliakos u 18-il deputati Parlamentari kienu arrestati u nħarġulhom akkużi li kienu qed imexxu organizazzjoni kriminali. 

Sa qabel seħħ dan, l-attitudni ta’ attivisti kontra l-partiti tal-lemin estrem kienu jgħidu li ma jibżgħux mill-partit Golden Dawn.

Kien hemm attivisti ewlenin fosthom Haris Zafiropoulos, li imbarkaw fuq strateġija ġdida. Dik li jinżlu fit-toroq u jwasslu l-messaġġ li hemm bżonn li l-faxxiżmu jkun konfrontat. Kull tmiem il-ġimgħa dawn bdew imorru fiż-żona fejn kienu jkunu attivi l-membri ta’ Golden Dawn u bdew iwasslu l-messaġġ lin-nies. 

Bdew ifakkruhom x’għamlu n-Nażisti fi Kreta

L-attivisti kontra l-lemin estrem, bdew iwasslu l-messaġġ lin-nies dwar kemm Kreta sofriet taħt in-Nażisti fit-tieni gwerra Dinjija. Bdew ifakkruhom kif villaġġi sħaħ spiċċaw inħarqu. Bdew ifakkru lin-nies x’kien ġara dakinahr u x’inhu jiġri issa.

Ġara, li grupp kbir ta’ għalliema ingħaqdu biex jiġġieldu ir-radikalizazzjoni li kienet qed tidħol bil-mod il-mod fl-iskejjel minn dawn l-attivisti tal-lemin estrem. Il-faxxisti kien irnexxielhom jidħlu b’mod makakk qalb l-istudenti. Kien faċli li jammanipulaw l-istudenti li kienu qed iħossuhom frustrati.

L-għalliema bdew jaħdmu flimkiet u bdew jgħallmu l-istorja tal-pajjiż b’mod differenti. Bdew jispjegaw u jikkonfrontaw ideoloġiji faxxisti. Fi żmien qasir xejn inqas minn 55 skola ingħaqdu flimkien u organizzaw dak li ssejjaħ ‘festival anti faxxist’.

Imma kif saret ir-rebħa fuq l-attivisti faxxisti?

L-iskejjel u l-għalliema kellhom parti importanti f’din ir-rebħa. Bdew jiċċelebraw il-kultura ta’ diversi gruppi ta’ migranti.  Bdew idoqqu u jisimgħu l-mużika tagħhom. Bdew jiċċelebraw it-tradizzjonijiet tagħhom. Bdew jisimgħu u jirrakkontaw l-istejjer ta’ kif dawn waslu l-Greċja. Bdew jaraw li kemm jista’ jkun aktar gruppi ta’ nies jersqu lejn xulxin. Riedu juru lil faxxisti u l-attivisti tagħhom li dawk l-ideat m’hemmx posthom fi Kreta.

L-istudenti li diġa kienu ‘belgħu’ in-narrattiva faxxista ma tqisux mill-għalliema bħala mitlufin. Kellhom fiduċja li dawn jista’ jerġa’ jibdielhom u fil-fatt hekk ġara.  Dawn kif bdew jaraw ħafna minn sħabhom  jingħaqdu fi gruppi kontra l-faxxiżmu, huma stess bdew jistaqsu diversi mistoqsijiet.

L-għalliema bdew jistaqsu lill-istudenti Griegi radikalizzati,  jekk huma jemmnux li ħbiebhom li jpoġġu fl-istess klassi u li huma minn pajjiż bħal Albanija, ir-Rumania jew il-Bulgarija, humiex verament inferjuri għal Griegi kif kienu qed ibellgħuhielhom tal-Golden Dawn.

Il-militanti irrikorrew għal attakk vjolenti fuq il-faxxisti

L-istorja ma waqfitx hawn. Attivisti militnti kontra l-faxxiżmu, ħadu deċiżjoni kontroversjali. Din hi dik li jikkonfrontaw il-grupp faxxista b’mod vjolenti. Kien f’April ta’ sena ilu, meta grupp militatni attakkaw l-uffiċċju tal-partit estrem f’Heraklion.  Dan inqered kompletament. Din kienet l-aħħar daqqa għal dan il-partit estrem fi Kretà. Ġimgħatejn wara kienu telqu minn Kreta. 

Filfatt Kreta hi wieħed ir-reġjuni fil-Greċja fejn il-Golden Dawn m’għandhomx preżenza. 

Ekonomija

Sport