Sunday, November 24, 2024

It-tim Malti tal-Polo dominanti fuq l-Irlanda

Aqra wkoll

It-tim nazzjonali Malti tal-polo għeleb lir-Repubblika Irlandiża 6-1 sabiex rebaħ l-Alexandria Cup. Kien konfront li ntlagħab fil-Malta Equidrome bil-Maltin li mal-ewwel ħarġu fuq l-attakk tant li sal-ewwel żewġ chukkas kienu qed jirbħu 6-0.

Fit-tielet chukka ma ġie reġistrat l-ebda goal sabiex fl-aħħar waħda l-Irlandiżi naqqsu l-marġni tal-iskor.

Il-Maltin kellhom lil Matthew Borg u l-captain Martin Arrigo li skorjaw żewġ gowls kull wieħed filwaqt li Jeremy Besancon u Karl Galea għaqqdu l-iskor favur it-tim tagħhom.

Mark Stone skorja l-uniku gowl għall-Irlandiżi.

Fi tmiem il-konfront, iċ-chairman ta’ EquestriMalta John Huber fil-preżenza tal-uffiċjal eżekuttiv Max Zammit ippreżentaw it-tazza lill-captain Martin Arrigo.

Sadanittant qabel il-bidu ta’ dan il-konfront ġie inawgurat scoreboard elettroniku mill-Ministru għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Dr Clifton Grima. Dan l-iscoreboard ħa post dak manwali li ilu jintuża’ għal dawn l-aħħar snin. Dan kollu grazzi għal EquestriMalta li qed jaħdmu qatigħ sabiex jattiraw aktar timijiet barranin lejn pajjiżna.

Malta: Matthew Borg, Martin Arrigo, Jeremy Besancon, Karl Galea.

Irlanda: Paul Ronan, Eamonn Laverty, Mark Stone, David Stone.

Umpires kienu Chris Wightman u Mark Darmanin.

It-tielet uffiċjal kien Philip Wismayer.

Sport