Friday, April 19, 2024

It-tiratriċi Eleanor Bezzina maħtura fuq il-Bord Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti

Aqra wkoll

Il-President tal-Kummissjoni tal-Athleti, it-tiratriċi Eleanor Bezzina ingħaqdet mal-Bord Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti minn Novembru 2021.

Bħala atleta hija kkompetiet f’żewġ Logħob Olimpiku – Rio 2010 u Tokyo 2020 flimkien ma’ numru kbir ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ livell għoli. Bezzina ser iġġib magħha esperjenza tajba minn perspettiva kompetittiva.

Din il-ħatra ssegwi l-bidla riċenti fl-Istatut tal-KOM li rat l-introduzzjoni tal-klawżola 13.3 li tistipula li “Għandu jiġi inkluż rappreżentant tal-atleti elett mill-Kummissjoni tal-Atleti tal-KOM (stabbilit skont il-linji gwida tal-IOC) u approvat mill-Assemblea Ġenerali bħala membru votanti tal-Bord Eżekuttiv. Dan ir-rappreżentant għandu jiġi elett minn atleti li jkunu ħadu sehem f’mill-inqas waħda mill-aħħar tliet edizzjonijiet tal- Logħob.”

“ Il-Kummissjoni tal-Atleti tilgħab rwol ċentrali, li tirrappreżenta l-vuċi tal-atleti fi ħdan il-Kumitat Olimpiku. Il-KOM jirċievi l-ħatra ta’ Eleanor b’sodisfazzjon, kunfidenti fl-għarfien li se tkun rappreżentant denja tal-vuċijiet tal-atleti lokali.” irrimarka Julian Pace Bonello, President, Kumitat Olimpiku Malti.

It-terminu ta’ Bezzina se jkun ta’ erba’ snin.

Sport