“It-tisħiħ tal-istituzzjonijiet relatati mal-Ġustizzja tibqa’ prijorità. Bil-għan li jissaħħu aktar il-Qrati tal-Ġustizzja u titjieb l-effiċjenza fis-sistema ġudizzjarja, se naraw li jkollna aktar speċjalizzazzjoni. Bdejna billi ħabbarna t-twaqqif tal-Qorti Kummerċjali preseduta minn żewġ Imħallfin, fejn qed inħarsu ‘l quddiem biex niskattaw l-proċess parlamentari. Ser inkomplu nsaħħu is-sezzjoni tal-Maġistrati Inkwirenti li hija wkoll komposta minn erba’ maġistrati billi matul l-2025 invaraw ir-riforma fil-proċess tal-inkjesti maġisterjali”
Stqarr dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard meta kien qed jindirizza l-Parlament waqt id-diskussjoni fuq l-estimi finanzjarji tal-Ministeru tiegħu. Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Attard qal li għal darb’oħra dan il-Gvern qiegħed jalloka l-akbar ammont ta’ budget fil-qasam tal-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, b’total ta’ aktar minn €84 miljun.
Irrimarka li fil-qasam tal-ġustizzja, se titkompla l-prijorità biex tissaħħaħ s-saltna tad-dritt u sabiex il-ġustizzja tkun aktar aċċessibli għan-nies. Qal li dawn il-prijoritajiet jenfasizzaw ir-rwoli importanti li dawn iż-żewġ oqsma għandhom biex jiżguraw l-istabbiltà nazzjonali, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u t-tkabbir ekonomiku.
Dwar l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati, il-Ministru qal li din l-aġenzija qed qed tagħmel investiment bla preċedent, kemm fir-riżorsi umani kif ukoll, dawk infrastrutturali, inkluż dawk diġitali. Ingħad li l-allokazzjoni finanzjarja għal din is-sena għall-Aġenzija hija 9% iżjed mill-allokazzjoni tas-sena li għaddiet.
Fid-diskors tiegħu, enfasizza li matul is-sena li ġejja mistenni jibda wkoll ix-xogħol fuq it-twaqqigħ u l-kostruzzjoni tal-bini biswit il-Qorti li se jilqa’ fih fost l-oħrajn tliet awli ġodda kif ukoll uffiċini. Spjega li proġett ieħor li ra l-bidu tiegħu f’dawn l-aħħar jiem kien l-introduzzjoni tal-Help Desk biex jgħin iktar fl-aċċessibilità għall-pubbliku għas-servizzi tal-qrati, waqt li s-sena d-dieħla dan is-servizz ikompli jitwessa’.
Qal ukoll; “F’Għawdex ukoll għaddejja ħidma u diskussjonijiet kontinwi biex ikun ifinalizzat il-proċess marbut ma’ binja ġdida biex tospita l-Qorti. Lil hinn mill-kritika, nassigura ’l kuħadd li hemm ħidma għaddejja f’dan ir-rigward u nħares ‘il quddiem biex inkun f’pożizzjoni li nħabbar dan il-proġett”.
Irrimarka li b’kuntrast għal dak li jagħmel il-Gvern, dwar il-Partit Nazzjonalista, Attard qal; “Għal snin twal, b’mod partikolari taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, dan il-pajjiż kien ikollu karba kontinwa wara oħra biex iżid il-Ġudikatura … karba li kienet tiġi injorata”.
Il-ħidma tagħna fl-oqsma tal-Ġustizzja u l-Kostruzzjoni, flimkien ma’ riformi essenzjali oħrajn, turi l-impenn tagħna lejn pajjiż ta’ kwalità, fejn kull ċittadin jista’ jgawdi minn sistemi ġusti, effiċjenti u sostenibbli.
Spjega li l-pjanijiet għas-sena li ġejja juru li l-kwalità mhix biss għan, iżda realtà li l-pajjiż beħsiebu jikseb. Huwa irringrazzja lill-entitajiet kollha li jifformaw il-Ministeru, l-impjegati fi ħdanhom, l-istakeholders u fuq kollox is-segretarjat tal-Ministeru u ċ-ċivil taħt it-tmexxija abbli u mogħnija bl-esperjenza tas-Segretarju Permanenti Johan Galea.
Tenna billi rringrazzja lil kull min kien involut f’dan il-proċess parlamentari. Ħeġġeġ lil kulħadd biex tkompli l-ħidma għal pajjiż ta’ kwalità.