Sunday, December 22, 2024

It-tkabbir ekonomiku mistenni li jimmodera iżda jibqa’ aktar b’saħħtu

- Tbassir tal-Bank Ċentrali ta’ Malta

Aqra wkoll

Skont l-aħħar tbassir tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-prodott domestiku gross (PDG) ta’ Malta mistenni jikber b’4.3% fl-2024. Dan mistenni li jimmodera għal 3.5% kemm fl-2025 kif ukoll fl-2026. B’hekk, hemm reviżjoni marġinali ’l isfel fl-2024 u fl-2025 meta mqabbel mat-tbassir preċedenti tal-Bank, filwaqt li għall-2026 il-prospetti huma riveduti ’l fuq.

Fl-2023 it-tkabbir kien xprunat primarjament mill-esportazzjoni netta, filwaqt li fl-2024 id-domanda domestika hija prevista li tkun il-mutur ewlieni tat-tkabbir. It-tkabbir fil-konsum privat mistenni li jkompli b’ritmu mgħaġġel, filwaqt li l-investiment privat mistenni li jirkupra gradwalment.

L-esportazzjoni netta hija mbassra li tikkontribwixxi b’mod pożittiv, xprunata l-aktar mill-esportazzjoni ta’ servizzi. Id-domanda domestika mistennija li tkun il-mutur tat-tkabbir fl-2025 u l-2026.

It-tkabbir fl-impjiegi mistenni li jimmodera mir-rati għoljin riċenti, filwaqt li l-paga medja mistennija tikber b’rata aktar mgħaġġla fl-2024. Dan parzjalment b’reazzjoni għall-inflazzjoni rreġistata fil-passat riċenti u suq tax-xogħol ristrett.

L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur hija mbassra li tbatti b’mod sinifikanti minn 5.6% fl-2023 għal 2.4% fl-2024, qabel ma tilħaq il-1.9% sal-2026.

Meta mqabbla mat-tbassir preċedenti, l-inflazzjoni ġiet riveduta ’l isfel b’0.5 ta’ punt perċentwali fl-2024, l-aktar minħabba tnaqqis aktar b’saħħtu minn dak mistenni li seħħ fl-ewwel xhur tas-sena.

Il-proporzjon tad-defiċit għall-PDG tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni jinżel għal 4.1% fl-2024 u li jkompli jonqos matul il-kumplament tal-perjodu tat-tbassir għal 3.1% sal-2026.

Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jiżdied matul il-perjodu tat-tbassir u jilħaq il-livell ta’ 54.3% sal-2026. Meta mqabbel mal-eżerċizzju preċedenti ta’ tbassir, il-proporzjon tad-defiċit imbassar hu ogħla, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn baqa’ kważi l-istess.

Ir-riskji għall-attività huma b’mod ġenerali bbilanċjati matul il-perjodu tat-tbassir. Ir-riskji negattivi huma primarjament relatati mat-tensjonijiet ġeopolitiċi. Min-naħa l-oħra, is-suq tax-xogħol jista’ juri dinamika saħansitra aktar b’saħħitha minn dik prevista f’dan it-tbassir, kemm f’termini ta’ impjieg kif ukoll f’termini ta’ pagi. Dan imbagħad jista’ jirriżulta fi tkabbir aktar b’saħħtu fil-konsum privat.

Ir-riskji għall-inflazzjoni huma bbilanċjati matul il-perjodu tat-tbassir. Ir-riskji ta’ żieda għall-inflazzjoni jistgħu jseħħu frott l-avvenimenti estremi tat-temp u minn effetti ta’ żviluppi ġeopolitiċi. Riskji oħra li jxaqilbu lejn żieda għall-inflazzjoni jinkludu l-impatt potenzjali tal-miżuri kontra t-tibdil fil-klima.

Barra minn hekk, il-pressjonijiet fuq il-pagi jistgħu jkunu aktar b’saħħithom milli previst fit-tbassir. Fuq in-naħa negattiva, l-inflazzjoni importata tista’ tonqos aktar malajr milli mistenni, filwaqt li l-inflazzjoni fis-servizzi tista’ tinnormalizza aktar malajr milli previst fl-eżerċizzju ta’ tbassir.

Min-naħa fiskali, ir-riskji huma negattivi (żieda fid-defiċit). Dawn jirriflettu prinċipalment il-possibbiltà ta’ tnaqqis fl-infiq attwali, inkluż infiq ogħla milli mistenni fuq miżuri li jtaffu l-effett tal-ispejjeż marbuta mal-enerġija sakemm il-prezzijiet tal-prodotti jkunu ogħla milli previst.

Hemm ukoll possibbiltà ta’ żidiet addizzjonali fil-pensjonijiet u l-pagi tas-settur pubbliku lejn l-aħħar tal-perjodu tat-tbassir. Jekk dawn ir-riskji jimmaterjalizzaw, dawn mistennija jiġu parzjalment ikkumpensati minn sforzi addizzjonali għall-konsolidament fiskali biex jikkonformaw mar-regoli fiskali tal-UE.

Ekonomija

Sport