Wednesday, July 24, 2024

Id-dħul iġġenerat minn Heritage Malta fl-2023 qabeż dak ta’ qabel il-pandemija

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet l-Aġenzija Heritage Malta ġġenerat id-dħul tagħha prinċiparjament mill-bejgħ tal-biljetti għal dħul fis-siti, mużewijiet u attivitajiet li laħaq iċ-ċifra ta’ €10,361,614, li jfisser żieda ta’ 23% meta mqabbel mal-2022.

Fl-istess waqt id-dħul iġġenerat minn Heritage Malta fl-2023 qabeż dak ta’ qabel il-pandemija. Wieħed irid jikkonsidra wkoll il-Palazz tal-Gran Mastru u l-Mużew Marittimu kienu għadhom magħluqin sa tmiem l-2023.

Kien il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li ta dawn id-dettalji meta fil-Parlament kienet qiegħda tiġi diskussa mozzjoni dwar l-estimi ta’ dħul u nfiq ta’ Patrimonju Malta u s-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali għas-sena finanzjarja 2024.

Huwa spjega li l-bejgħ tal-biljetti fl-2023 kien jammonta għal xejn inqas minn €8,630,000 li jfisser kważi €2.5 miljun aktar fuq is-sena ta’ qabel. Il-Ministru Bonnici tkellem ukoll dwar l-avveniment maltabiennale.art, li ġie fi tmiemu ftit tal-jiem ilu u li sar f’siti u mużewijiet storiċi ta’ Heritage Malta.

F’dan l-avveniment ħadu sehem 80 artist minn 23 pajjiż differenti. Inizjattiva li saret taħt il-patrunaġġ tal-UNESCO, hi l-unika biennale li qed jittella f’diversi siti storiċi. “Kburi li bis-saħħa ta’ dan il-biennale ftaħna l-bibien beraħ għal siti ta’ Heritage Malta,” qal il-Ministru Bonnici.

Huwa żied jgħid li fl-2023, fir-responsabbità ta’ Heritage Malta żdiedet l-amministrazzjoni ta’ Villa Portelli. Qal ukoll li l-aġenzija bdiet tagħti l-ħajja lil din il-proprjetà li tinsab fil-Kalkara u għaddejja bir-restawr biex tagħmilha aċċessibbli għal pubbliku.

Il-Ministru Bonnici tenna li għandna biex inkun kburin bil-wirt kulturali tagħna. “Irridu nkomplu niftħu l-bibien ħalli aktar u aktar nies jiġu u jitpaxxew bil-ġmiel li għandna fil-qasam tal-patrimonju kulturali.

“Ejja nibqgħu dejjem unanimi bil-mod kif nitkellmu dwar il-partrimonju kulturali. Ejja nkunu ponn wieħed bħala Parlament f’dan is-settur għaliex huwa l-akbar rigal li nistgħu nagħtu lill-ħaddiema ta’ dan is-settur jekk inkunu univoċi fl-apprezzament tagħna lejn ix-xogħol li qed isir,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Tifraħ lill-kandidati eletti għall-Parlament Ewropew f’isem il-PN u tħalli barra lil dawk tal-PL. Il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Arti u l-Kultura Julie Zahra qalet li l-Ħadd li għadda l-poplu wassal messaġġ qawwi. Qalet li l-poplu tkellem u l-messaġġ kien ċar u aqwa minn kull stħarriġ li ħareġ tul dawn l-aħħar xhur.

Filwaqt li qalet li kulħadd jiddejjaq jitlef, Zahra tenniet li huma “qegħdin hemm” u lill-poplu Malti jwiegħduh li se jkomplu jaħdmu flimkien u jħarsu ‘l quddiem biex jagħtu tama li tant jixraq lil pajjiżna fejn is-sewwa jirbaħ żgur.

Hija ferħet lil Roberta Metsola, David Casa u lil Peter Agius għaliex qalet li dawn se jaħdmu f’isem pajjiżna. Minkejja dan, ma għamlitx referenza għall-kandidati tal-Parlament Ewropew li ġew eletti f’isem il-Partit Laburista – Alex Agius Saliba, Daniel Attard u Thomas Bajada.

Dan ġie nnutat ukoll mid-Deputat Laburista Alex Muscat li saħaq li huwa jawgura lis-sitt kandidati eletti u mhux biss lil ta’ naħa waħda. Huwa awgura li kollha kemm huma jaħdmu fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport