Wednesday, July 24, 2024

Partita ta’ Ħbiberija: Illum Malta tilgħab kontra l-Greċja

Aqra wkoll

F’konferenza stampa li saret lejlet il-konfront ta’ Malta kontra l-Greċja fil-Grodig Stadium fl-Awstrija, il-coach tat-team nazzjonali Michele Marcolini spjega l-pjani tiegħu u indirizza kwistjonijiet ewlenin li qed jiffaċċja t-team tiegħu.

B’hekk jiġi fi tmiemu l-kamp ta’ taħriġ li qed iservi bħala preparazzjoni għal-logħbiet tal-UEFA Nations League minn Settembru li ġej. 

Marcolini indirizza l- prestazzjoni diżappuntanti fl-aħħar ħarġa kontra r-Repubblika Ċeka hekk kif ħriġna telliefa bl-iskor kbir ta’ 7-1. 

“Issa rridu nbiddlu r-rabja f’reazzjoni u niffukaw fuq il-logħba tal-lum,” sos­tna Marcolini filwaqt li enfasizza l-importanza li rridu nitgħallmu mill-iżbalji tal-passat. 

Huwa indika żbalji speċifiċi u għażliet ħżiena li saru matul il-logħba taċ-Ċeki, u enfasizza l-ħtieġa għal titjib: “Konna ppreparati taj­jeb għall-aħħar logħ­ba iżda ma stajniex nuru x-xogħol tagħna fil-ground,” qal, filwaqt li saħaq għall-ħtieġa ta’ eżekuzzjoni aħjar kontra l-Greċja.

tibdil fil-Line-up

Filwaqt li rrikonoxxa l-istaġun twil, Marcolini ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jbiddel l-iskwadra. 

“Se nkun qed nagħmel tibdil u nagħti spazju lil dawk il-players li naħseb li ħaqqhom wara x-xogħol iebes muri waqt it-taħriġ,” huwa qal. 

Il-players ewlenin, Pe­pe u Steve Borg, se jitilfu l-logħba minħabba li ma jinsabux f’sikkithom  filwaqt li Joseph Mbong hu­wa sospiż.  

“Pepe mhux disponibbli, u Steve Borg qed iħoss uġiegħ, allura mhux se nirriskjawhom,” ikkonferma Marcolini. 

Huwa qed jippjana li jagħmel erba’ jew ħames bidliet biex jindirizza l- għej­ja u biex jipprovdi op­portunitajiet għal players oħra, b’għajnejh fuq kompetizzjonijiet futuri, partikolarment dik tan-Nations League.

L-Isfida tal-Greċja

Meta ddiskuta l-oppo­żiz­zjoni, Marcolini rriko­noxxa s-saħħa tat-team Grieg.

“Il-Greċja huwa team b’saħħtu ħafna. Tilfu l-possibbiltà li jilagħbu fil-Euro wara l-għoti tal-penalties kontra Georgia u kellhom prestazzjoni mill-aqwa fl-aħħar partita ta’ ħbiberija kontra l-Ġermanja, fejn tilfu fl-aħħar minuta,” huwa nnota.  

Filwaqt li ammetta li l-Greċja huma inqas fiżiċi miċ-Ċeki, faħħar il-ħiliet tekniċi, l-aggressività, u l-kumpattezza tagħhom.

“Aħna sofrejna mill-fiżika taċ-Ċeki peress li għandhom ħames jew sitt players itwal minn 1.90 metru, iżda l-Greċja huma tekniċi ħafna, aggressivi, u kompatti wkoll.”

Niffokaw fuq l-Istil ta’ Malta

Minkejja l-isfidi, Marco­lini saħaq fuq l-importanza li wieħed jiffoka fuq l-istil ta’ logħob ta’ Malta stess.

“Għandna bżonn niffukaw fuq l-istil ta’ logħob tagħna u r-rieda li nkomplu nuru li qed nimxu ‘l qud­diem anke jekk l-aħħar logħba waqfet it-tkabbir tagħna,” qal. 

Huwa enfasizza l-ħtieġa li l-frustrazzjoni tat-team tinbidel f’forza pożittiva fil-ground: “Irridu nużaw ir-rabja u l-frustrazzjoni kontra l-Griegi biex nagħtu risposta fil-ground. 

MUSCAT IĦEĠĠEĠ

IR-RESPONSABBILTÁ 

Id-difensur Zach Muscat saħaq fuq l-importanza tar-riflessjoni u l-kontabbiltà wara l-aħħar wirja.

“Irridu nanalizzaw x’mar ħażin fl-aħħar logħba u nieħdu r-responsabbiltà,” stqarr Muscat li enfasizza l-impenn tat-team biex jitgħallem mill-iżbalji tie­għu. Huwa tenna l-ħtieġa li jegħlbu l-frustrazzjoni tagħhom b’mod pożittiv, billi jużawha bħala motivazzjoni għall-partita tal-lum. 

Filwaqt li rrifletta fuq il-partita preċedenti kontra ll-Greċja sentejn ilu, Muscat irrikonoxxa li ż-żewġ timijiet evolvew.

“Aħna ninsabu ffukati fuq in-Nations League. Din mhix biss partita ta’ ħbiberija iżda wkoll test tajjeb ta’ tħejjija għal Settembru li ġej,” stqarr, filwaqt li enfasizza l-iskop doppju tal-partita.

Il-logħba tibda fis-6.00 pm u se tkun imxandra diretta fuq TVMSports+.

Ekonomija

Sport