Sunday, December 22, 2024

IT-TMIEM TA’ MANDAT

Aqra wkoll

Anke jekk ma tkunx fanatiku (kif jien żgur m’inix) għal kif taħdem l-Unjoni Ewropea u l-Parlament tagħha, imma wara li tkun ħadt sehem f’tal-aħħar għal xi żmien, it-tmiem ta’ mandat jinħass bħala ċaqliqa sinifikattiva, kemm fuq bażi politika, kemm fuq waħda personali. Dil-ħaġa qed tiġri lili. Aħseb u ara lid-deputati minn irkejjen oħra tal-Ewropa li bħali mhux se jerġgħu jikkandidaw ruħhom imma li kellhom u baqgħu bi stima kbira lejn il-Parlament.

Trid tqis ukoll il-piż li l-Parlament kiseb fit-tmexxija Ewropea. Mhijiiex statutorja. Fuq dil-bażi, l-Parlement jibqa’ l-aktar istituzzjoni dgħajfa tal-Unjoni.

Min-naħa l-oħra akkwista matul is-snin ċerta fama. Inkoraġġixxa l-fehma li qed jimbotta l-aqwa għanijiet u kisbiet Ewropej, fehma dubjuża imma hemm tinsab. Tagħtu poter artab qawwi (“soft power”) li ma jistax jiġi injorat. Fil-fatt ta’ spiss, ironikament, il-medja Ewropej aktar jirrapportaw id-diskors li jkun qed isir fil-Parlament milli l-fatti dwar deċiżjonijiet li jkunu qed jieħdu l-Kunsill u l-Kummissjoni.

ARGUMENT VERSUS INSULT

Jibqa’ punt intriganti għaliex ċerti nies li ġeneralment jinħbew wara isem falz, iħossu l-bżonn li jintervjenu fil-paġni tal-gazzetti online jew fil-mezzi soċjali dwar suġġetti li ftit jifhmu fihom. Minflok argumenti jew kummenti, jinfexxu f’insulti personali, qishom dawn biss li jinteressawhom.

X’jimmotivahom? Rabja, għira, mibegħda lejn min jinsultaw? U b’hekk jitfarrġu ftit b’xi mod? Imma jitfarrġu kif, jekk ma jkunux interessati fil-fatti waqt li jibqgħu anonimi? Jew forsi jkunu nies imdejqa bil-monotonija tal-ħajja u jipprovaw ikissruha billi joħorġu jdejqu lil ħaddieħor, kif mingħalihom ikunu qed jagħmlu?

Dejjem tibqa’ ħaġa diffiċli tifhem kif il-bnedmin iġibu ruħhom, anke f’ sitwazzjonijiet ta’ “djalogu” normali.

IS-SERVIZZI TAL-POSTA

Hemm bżonn ta’ eżami tajjeb ta’ kif qed jaħdmu s-servizzi tal-posta. Veru li naqsu bil-kbir l-ittri u l-pakketti li jintbagħtu bil-posta, ħlief forsi dawk li għandhom x’jaqsmu max-xiri u l-bejgħ li jsiru bl-internet. Il-mezzi ta’ kumnikazzjoni diretta saru dejjem aktar faċli u l-użu tal-posta għal ħafna sar marġinali jew ineżistenti.

Biss, posta għadha tintbagħat. U l-fatt li naqset qatigħ fil-volum ma jiġġustifikax li s-servizz – mhux l-anqas dak intern – imur lura, kif naħseb li qed jagħmel. Ittri li jaslu jumejn jew aktar tard, jew addirittura ma jaslu xejn. Peress li ma jkunux intbagħtu reġistrati, ikunu qishom waqgħu f’bir tas-skieken.

Igħidulek li hemm anke problema bil-pustiera li ta’ spiss ikunu barranin, jinbidlu ta’ spiss u allura l-iżbalji saru komuni. Imma din hi biss raġuni għaliex is-servizz sejjer lura. X’qed isir biex ma jibqax jeħżien?

Ekonomija

Sport