Saturday, December 14, 2024

“It-tobba f’Mater Dei donnhom wettqu miraklu… Kara Mae ma kinitx tiċċaqlaq”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Wara l-maltemp dejjem jiġi l-bnazzi… qisu sar miraklu” Hekk qalet Miriana DeBrincat, omm iċ-ċkejkna Kara li minkejja li twieldet b’mod prematur illum il-ġurnata hija għamlet progress kbir. Issa li l-kundizzjoni tagħha qalbet għall-aħjar, il-ġenituri tagħha ddeċiedew li l-flus li kienu nġabru maħsuba biex ikunu jistgħu jsiefruha, jagħtuhom lill-Puttinu Cares u b’hekk fl-aħħar jiem huma ppreżentaw is-somma sabiħa ta’ €9,000.

L-omm spjegat ma’ dan il-ġurnal li meta raw li t-tifla kienet batuta, xtaqu jsiefruha u l-istint tagħhom bħala ġenituri kien li jagħmlu fundraiser bl-isem “Save baby Kara Mae”.

“Sadanittant saru ħafna testijiet lil Kara fosthom testijiet tal-ġenetika, MRI li sar tajjeb ħafna għax Kara kienet illupjata u ma kinitx tista’ tiċċaqlaq. Wara ftit Kara qisu sar miraklu. Ħarġet mill-incubator, bdiet titgħallem tixrob mill-bottle u neħħewlha kollox. Ir-riżultati ġew kollha tajbin,” qalet l-omm.

Hija żiedet tgħid: “Kara issa ilha magħna eżatt xahar għax hi ħarġet mill-isptar fis-17 ta’ Diċembru. Kara issa tinsab b’saħħitha, tikber u tittanta. Aħna nistgħu nifhmu lil dawk il-ġenituri u anke tfal li għaddejjin minn tbatija fiżikament ħabba mard serju għalhekk iddeċiedejna li dawk il-flus li ġbarna nagħtuhom kollha lil Puttinu Cares. Vera ftit imma kull qatra tgħodd u b’dawk in-naqra forsi rnexxielna ngħinu pazjent wieħed imma għalina jkun ifisser ħafna. Nemmnu ukoll fil-mirakli għax iż-żgħira tagħna nista’ ngħid li bis-saħħa tal-infermiera u t-tobba bravi sar miraklu magħha! Grazzi!”

L-omm ma naqsitx milli tgħaddi messaġġ: “Dawk kollha li bħalissa qed jaraw maltemp biss fuqhom.. qatt m’għandhom jaqtgħu qalbhom. Għandhom jibqgħu jitolbu u jżommu l-fidi u jemmnu fit-tobba bravi tagħna li għandna Mater Dei.”

Hija temmet tgħid li issa jħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu għal kull pass li tagħmel iċ-ċkejkna fosthom li bdiet toħroġ is-snien, tgedwed u timita l-mossi li jagħmlu b’ħalqhom. “Qed naraw li turi interess fl-ikel tagħna, titbissem malli tarana jew nilgħabu magħha u anke qegħdin dejjem inkabrula s-sizes tal-ħwejjeg li vera tagħmilna kuntenti għax Kara twieldet tiżen 1.78kg u issa telgħet għal madwar 6kg.”

Ekonomija

Sport