Tuesday, May 14, 2024

It-toroq kollha fil-proġett tal-Għadira mistennija li jinfetħu f’Ġunju

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-toroq kollha fil-proġett tal-Għadira mistenni li jinfetħu fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju, bil-għan li jitnaqqsu l-inkonvenjenzi għall-pubbliku. Ix-xogħol fuq dan il-proġett, b’investiment ta’ €8 miljun, issa daħal fl-aħħar fażijiet tiegħu.

Dan il-proġett huwa wieħed vast u jinvolvi l-ħidma ta’ tliet entitajiet ewlenin li huma Infrastructure Malta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u anke tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Ix-xogħol kien jinkludi aktar minn 3.3 kilometri ta’ toroq li nbnew mill-ġdid u kilometru ieħor ta’ tisbiħ tul il-promenade tal-Għadira. F’dan il-proġett ambizzjuż se jkun hemm xejn inqas minn 130 spazju riservat għal parkeġġ, u se jinħolqu żoni ġodda fejn tal-linja jkunu jistgħu jieqfu biex iniżzlu u jgħabbu l-passiġġieri.

Ta’ min jinnota li partijiet minn din it-triq qabel beda x-xogħol kienu meqjusa bħala perikolużi u għaldaqstant ittieħdet id-deċiżjoni li fil-parti ta’ Triq il-Marfa direzzjoni ‘l isfel (southbound) tiġi b’karreġġjata waħda u mbagħad aktar ‘il quddiem terġa’ ssir b’żewġ karreġġjati.

“Il-prijorità tagħna hi s-sigurtà għal kull min juża t-triq. Qed nieħdu miżuri biex anke f’din il-parti tonqos il-veloċità fin-niżla,” spjega l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta fi briefing għall-ġurnalisti. “Bħala xogħol ninsabu qabel l-iskeda. Dan kien proġett imqassam fuq 18-20 xahar ta’ xogħol.”

Sport