Friday, December 13, 2024

IT-TQALA U LIL HINN MINNHA…

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġimghat reġgħet xegħelet fostna d-diskussjoni dwar il-liġi li tirregola t-tqala f’pajjiżna u x’jiġri fejn ikollok min irid itemm tqala għal raġunijiet diversi fosthom minħabba l-perikli għas-saħħa u l-ħajja tal-omm. Mara Amerikana li korriet waqt btala f’Malta u skont ir-raġel tagħha kienet fil-periklu ta’ infezzjoni serja li setgħet poġġiet ħajja fil-periklu riedet li ssirilha operazzjoni imma t-tobba hawn Malta qalulha li ma jistgħux jagħmlulha l-operazzjoni sakemm qalb il-fetu tibqa’ thabbat.

Din il-mara kellha tittieħed lejn il-gżira ġara tagħna Mallorca biex tagħmel l-operazzjoni hemm. Ir-raġel tal-mara osserva li huma raw il-każ bhala ta’ qsim il-qalb għax tilfu lil binthom waqt li madwarhom xegħelet ħuġġieġa dwar l-abort. Isimna ġie mxandar ma’ ħafna pajjiżi u pinġewna bħala ffissati u fanatiċi u ma rridux inbiddlu l-liġi tagħna biex naħsbu għal sitwazzjonijiet bħal din. Hemm min isostni li l-liġi tagħna diġa’ taħseb għal sitwazzjoni bħal din.

Imma hemm ukoll min jgħid li hemm bżonn niċċaraw u nbiddlu l-liġi fejn hemm bżonn. Wasal żgur iż-żmien li jkollna diskussjoni matura, serja u fuq kollox umana dwar il-liġi li tirregola t-tqala. Ma jkunx ta’ ġid jekk isiru kruċjati isteriċi favur jew kontra u kull naħa titlef l-aspett uman u sensittiv u delikat dwar it-tqala, l-omm u t-tarbija li għadha ma twieldetx.

Kruċjati isteriċi jsiru minn dawk li qatt ma kellhom binthom, oħthom, il-mara … f’sitwazzjoni diffiċli bit-tqala, persuni li jridu min jifhimhom u jgħinhom u mhux min jakkużahom u jikkundannahom. Diskussjoni legali u morali mhix biżżejjed. Irid ikun hemm minn issa servizz ta’ appoġġ u pariri sensittivi u mhux kundanni u akkużi dwar qtil għal ommijiet li jinqabdu f’xi sitwazzjoni kkumplikata, għal diversi raġunijiet, mhux biss ta’ saħħa. Issib min jgħidlek li mhemmx għalfejn inbidlu liġijiet u nagħmlu diskussjonijiet għax l-ebda liġi ma tgħidlek li tħalli l-omm tmut, lanqas il-liġi preżenti ta’ Malta. Issib min jgħidlek li għandna nkomplu għaddejjin kif aħna, każ b’każ, skont iċ-ċirkustanza partikulari. Ma naqbilx.

Jekk inħallu s-sitwazzjoni kif inhi u nimxu każ b’każ l-iżjed li jbatu huma dawk li l-inqas jistgħu jieħdu ħsieb tagħhom infushom minħabba ċ-ċirkustanzi diffiċli u żvantaġġi soċjali, ekonomiċi u kulturali ta’ ħajjithom. Minkejja li f’Malta llegali ttemm tqala xorta għandna bejn 300 u 400 nisa Maltin li kull sena jmorru f’pajjiżi oħra bħar-Renju Unit, l-Italja, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Belġju biex itemmu t-tqala. Bħas-soltu l-aktar fil-periklu huma dawk li jifilħu jħallsu l-inqas.

Jagħmlulna l-ħsara

Minn żmien għal żmien EUReporter ibbażat fi Brussel ixandar artikli jpenġu lil Malta bl-aktar mod ikreh u negattiv.  Analiżi tal-ġurnal ‘Politico’ issemmi kif impossibbli tkun taf x’hemm u min hemm wara dak li jidher fuq EUReporter. 

Issejjaħlu eżempju tad-dinja mdardra u mhux trasparenti tal-‘lobbying’ fi Brussel. 

L-importanti li tħallas biex jidher tagħrif favurik jew kontra lil min trid turi f’dawl ħażin. 

EUReporter irid jidher indipendenti imma jaħbi min iħallsu biex jinfluwenza deċizjonijiet fi Brussel. Tajjeb li niftħu għajnejna dwar din it-tip ta’ manipulazzjoni kontra Malta. Hemm bżonn nimmaturaw u nifhmu aħjar kif jaħdmu dawk li jridu jagħmlulna ħsara biex insibu mod kif inħarsu lil pajjiżna anki minn attakki bħal dawn. 

Ekonomija

Sport