Tuesday, September 24, 2024

It-traffiku fl-MIA matul Awwissu naqas b’69.4% meta mqabbel ma’ Awwissu tal-2019

Aqra wkoll

F’Awwissu li għadda, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 252,022 passiġġier, li jsarraf fi tnaqqis ta’ 69.4% fil-movimenti tal-passiġġieri meta mqabbel mal-istess xahar fl-2019. 

Mill-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport għat-titjiriet kummerċjali nhar l-1 ta’ Lulju 2020 ’l hawn, l-ewwel ġimagħtejn ta’ Awwissu kienu l-iktar impenjattiv f’dak li jirrigwarda l-għadd ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport. 

B’kollox, fuq it-titjiriet minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien hemm 459,440 post disponibbli matul Awwissu, u l-persentaġġ ta’ postijiet okkupati, jew is-seat load factor (SLF) kif inhu magħruf, kien ta’ 54.9 fil-mija. 

Is-swieq ewlenin tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għax-xahar li għadda kienu l-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Polonja, li flimkien sarrfu f’169,804 movimenti tal-passiġġieri mit-traffiku totali ta’ Awwissu. 

Filwaqt li sal-aħħar ta’ Awwissu ġew irreġistrati 99,204 movimenti tal-passiġġieri iktar minn Lulju, id-dħul fis-seħħ tal-lista l-ambra ta’ Malta, flimkien ma’ għadd ta’ restrizzjonijiet ta’ vjaġġar li ġew imħabbra minn pajjiżi oħra, dgħajfu l-prestazzjoni tat-traffiku tal-passiġġieri fit-tieni nofs tax-xahar. 

Organizzazzjonijiet tal-avjazzjoni u l-ivvjaġġar, fosthom il-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti, appellaw għal iktar koordinazzjoni bejn pajjiżi madwar id-dinja fejn jidħlu miżuri ta’ kwarantina u restrizzjonijiet oħra, sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-pubbliku fl-ivvjaġġar u tibda tirkupra l-industrija. 

F’bullettin ta’ analiżi ekonomika ppubblikat fl-31 ta’ Awwissu 2020, il-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti rrapporta li l-industrija tal-ajruporti qed tantiċipa tnaqqis ta’ 58.4 fil-mija fit-traffiku meta mqabbel mal-2019, li hu ekwivalenti għal telfa ta’ 5.6 biljun passiġġier għas-sena sħiħa. 

Sport