Minn Cristian Muscat
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun bħala Sliema Wanderers?
It-tragward ta’ Sliema Wanderers huwa li nibqgħu magħqudin kif qegħdin bħala grupp u nibqgħu nagħtu logħba lil kull avversarju, u ovvjament li nippruvaw nirbħu kull logħba li baqgħalna nilagħbu!
X’tikkummenta fuq il-kowċ ta’ Sliema Wanderers, Paul Zammit?
Il-kowċ Paul Zammit kif jaf kulhadd huwa kowċ ta’ esperjenza kbira ħafna. Jien kelli iktar minn esperjenza waħda li kont bħala plejer taħt il-gwida tiegħu u nista’ ngħid li tgħallimt ħafna miegħu kemm fil-futbol u anke fil-ħajja personali.
U fuq il-kumitat ta’ Sliema Wanderers immexxi mill-president, Keith Perry?
Għall-kumitat għandi biss kliem ta’ tifħir għaliex laqgħuni tajjeb ħafna u dejjem jimxu bil-għaqal għall-ġid tal-plejers u ovvjament għall-klabb ta’ Sliema biex dejjem jimxi ‘l quddiem.
Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt fil-Kampjonat Premier?
Ovvjament li jkun hemm xi differenzi żgħar bejn it-timijiet. Kull tim jista’ jeħodlok il-punti, allura trid tinżel għal kull logħba bħall-oħrajn.
Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?
Nemmen li għall-ammont ta’ plejers barranin li jistgħu jilagħbu, m’hawnx livell biżżejjed li tgħid huwa ħafna aħjar mill-Maltin.
Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Kampjonat Premier?
Bħala grawnds naħseb li huma ta’ livell tajjeb ħafna tqis li nilagħbu ħafna logħob fuqhom.
X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fil-Kampjonat Premier?
Il-livell ta’ referis naħseb li huwa wieħed tajjeb ħafna.
X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?
Li tibqa’ temmen fik innifsek anke meta l-affarijiet ma jkunux sejrin kif tixtieqhom int.
Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?
Il-futbol huwa l-full-time job tiegħi allura nista’ nifoka iktar fuq futbol.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.
Biex ma jaqtgħu qalbhom qatt! Dejjem tisma’ u titgħallem minn ħaddiehor, u ssib ambjent li tħossok komdu u aċċettat fih.