Wednesday, July 24, 2024

Mijiet jiċċelebbraw il-festa ta’ San Girgor

Illum issir l-ewwel għuwma

Aqra wkoll

Mijiet ta’ persuni llum marru lejn x-xatt ta’ Marsaxlokk biex jiċċelebraw il-festa ta’ San Girgor li hija parti mit-tradizzjoni Maltija.

Erbat ijiem fuq l-Għid il-Kbir, il-Knisja Kattolika tfakkar lil dan il-qaddis. Għal Maltin din il-festa tfisser ukoll l-ewwel għuwma fejn ilbieraħ il-ġurnata kienet sabiħa li tat l-opportunità biex wieħed jaqbeż il-baħar.

Il-festa ta’ San Girgor għandha l-oriġini tagħha lejn is-Seklu 16 u ġiew ċċelebrrata għall-ewwel draba mill-Maltin b’ringrazzjament li pajjiżna evita effetti katastrofiċi tal-pesta.

Intant il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli żaru l-attivitajiet relatati mal-aspett folkloristiku u tradizzjonali tal-festa tradizzjonali ta’ San Girgor.

Għal sena oħra ttella’ programm kulturali u folkloristiku, li kien jinkludi kunċert fil-Knisja ta’ San Girgor fiż-Żejtun minn KorMalta taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Riccardo Bianchi li tella’ nhar it-Tlieta filgħaxija. Illum, imbagħad, saret il-purċissjoni li bdiet mill-Kappella ta’ San Klement sal-Knisja ta’ San Girgor, b’diversi bankarelli b’elementi ta’ wirt kulturali ħdejn il-Knisja ta San Girgor. Fi Ġnien Għannejja u l-Ġnien tal-Kmand kien hemm id-daqq tal-banda. Waranofsinhar, il-festa tkompliet max-xatt ta’ Marsaxlokk bis-sehem ta’ diversi għannejja u kitarristi.

Il-programm kulturali u folkloristiku ġie organizzat mid-Direttorat tal-Kultura, il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk.

Ekonomija

Sport