Il-Parlament approva b’mod unanimu t-trasferiment ta’ art fis-Siġġiewi għal bini ta’ ċentru ġdid ta’ distribuzzjoni tal-elettriku minn Enemalta plc b’ċens ta’ 65 sena.
Din id-deċiżjoni timmarka pass importanti fil-ħidma tal-pajjiż biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku u biex jiġi assigurat servizz aktar affidabbli u b’kapaċità akbar li jissodisfa d-domanda dejjem tikber.
Wara li ġie meqjus l-interess pubbliku ta’ dan l-iżvilupp, l-Awtorità tal-Artijiet ikkunsidrat li huwa ġustifikabbli li jsir trasferiment ta’ art fl-inħawi magħrufa bħala ‘Il-Qasam iċ-Ċkejken’ fi Triq San Niklaw, is-Siġġiewi b’qies ta’ 1,800m2.
L-approvazzjoni tal-Parlament tiżgura li l-proġett issa jista’ jimxi ‘l quddiem kif ippjanat. Din id-deċiżjoni tikkonferma l-impenn tal-gvern biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-enerġija tal-pajjiż u biex jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli.
Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal, “L-approvazzjoni tat-trasferiment ta’ din l-art lill-Enemalta huwa prova ta’ investiment ta’ art pubblika għal skop ta’ benefiċċju pubbliku. L-użu ta’ art tal-gvern għat-tisħiħ tal-infrastruttura ta’ pajjiżna hija prijorità fl-immaniġġjar tal-art tal-gvern.”
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, enfasizzat li dan l-investiment huwa parti mill-viżjoni tal-gvern biex jinbnew soluzzjonijiet ta’ enerġija aktar sostenibbli. “Qegħdin ninvestu f’sistema aktar moderna u flessibbli li tiżgura provvista ta’ enerġija aktar effiċjenti u affidabbli. Dan il-proġett se jsaħħaħ l-infrastruttura tal-enerġija u jkompli jappoġġja l-miri tagħna.”
Din id-deċiżjoni hija parti minn inizjattiva usa’ biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku madwar pajjiżna, u tiżgura reżiljenza u kapaċità mtejba. Iċ-ċentru l-ġdid ta’ distribuzzjoni fis-Siġġiewi se jkollu rwol kritiku biex jindirizza l-bżonnijiet tas-Siġġiewi u l-lokalitajiet tal-madwar, fosthom Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, iż-Żurrieq, il-Qrendi, u l-Imqabba. Il-faċilità se tikkontribwixxi għal servizzi tal-elettriku msaħħa fir-reġjun kollu billi se ttaffi l-piż minn fuq iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni eżistenti f’Ħal Kirkop, Ħal Far, il-Mosta, u l-Marsa.