Tuesday, April 1, 2025

It-trasferiment tiegħi għal ma’ Gudja United FC għeni nerġa’ nġib il-kunfidenza u l-abilitá li nilgħab bl-aħjar mod possibli – Dale Mifsud

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kelli l-etá ta’ erba’ snin u kont immur insegwi lil ħija jilgħab il-futbol man-nursery ta’ San Ġwann. Iktar ma bdejt nitla’ l- grawnd iktar bdejt insir inħobb il-futbol.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Gudja United FC.

Bħalissa l-esperjenza tiegħi ma’ Gudja United FC hija wahda tajba. It-trasferiment tiegħi għal ma’ Gudja United FC għeni nerġa’ nġib il-kunfidenza u l-abilitá li nilgħab bl-aħjar mod possibli. Ovvjament qiegħed nahdem biex intemm it-tieni parti tal-istaġun fuq livell tajjeb personali iżda iktar u iktar bħala Gudja United FC.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Nemmen li ħafna nies ma emmnux fit-tim li bena l-kumitat flimkien mal-kowċ Orosco Anonam iżda dan l-istaġun nemmen li għalissa wara 15-il partita kien staġun pożittiv minkejja d-difikultajiet li għadda minnu l-klabb ta’ Gudja United. Fi żmien qasir jien bħala captain ta’ Gudja United flimkien mal-kowċ u l-istaff irnexxielna nagħqdu l-grupp daqstant malajr u dan nemmen li jixhed fir-riżultati u l-wirjiet li urejna matul dan l-istagun s’issa.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Bħala tragward għat-tim tagħna ta’ Gudja huwa li nsalvaw kemm jista’ jkun malajr. Ninsabu ferm viċin dan it-tragward imma rridu nkomplu naħdmu b’umiltá għax fil-futbol kollox jista’ jseħħ.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell tal-futbol Malti dejjem qed jogħla speċjalment fil-BOV Challenge League. Dan għaliex ħafna plejers Maltin qegħdin jagħżlu li jinżlu mill-Malta Premier biex isibu post iktar regolari.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Nemmen li sar kampjament fejn qed jintlagħab il-logħob kompetittiv bl- installazjoni ta’ turf ġdid u dwal adekwati.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Qiegħed naħdem u nistinka kemm nista’ biex forsi fil-futur qrib nirritorna nilgħab fl-ogħla diviżjoni ġo Malta. Dan ma jistax ikun bit-talent biss iżda b’ħafna xogħol li ma jidhirx.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Trid taħdem u tistinka fil-ġranet li ma tkunx komdu taħdem fihom. B’hekk biss tista’ tikseb success fil-futbol!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport