L-Ewropa bħalissa għaddejja minn żewġ tranżizzjonijiet: dik diġitali u dik ambjentali.
Pilastru li għandu rwol importanti sabiex nippreparaw lilna nfusna għat-tranżizzjoni diġitali huwa l-edukazzjoni.
Għalkemm l-impatt diġitali u allura dak teknoloġiku jista jkun pożittiv, il-bidliet fis-swieq tax-xogħol qed iżidu l-pressjoni fuq il-ħaddiema sabiex dawn jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom billi jerġgħu jħarrġu (re-skilling) u jtejbu (up-skilling) l-ħiliet biex ikunu jistgħu jaddattaw għad-domandi l-ġodda tas-suq tax-xogħol. Għalhekk l-edukazzjoni u taħrig kontinwu għandhom ikunu pilastri ewlenin sabiex nassiguraw effetti minimi fuq il-ħaddiema.
B’hekk biss inkunu kapaċi nevitaw dak li hu magħruf bħala “labour shortage” li dan jinħoloq meta l-ħiliet tal-ħaddiema li qegħdin diġà fis-suq tax-xogħol ma jkunux addattati għad-domandi għall-ħiliet ta’ dawk li qed iħaddmu. Din kienet is-sitwazzjoni li wasslet għal ħtieġa ta’ ħaddiema barranin lejn pajjiżna ftit tas-snin ilu.
Għalhekk ejja naħdmu u nippreparaw minn qabel il-ħaddiema tagħna waqt li qegħdin għaddejjin minn din it-tranżizzjoni diġitali sabiex ikollna workforce b’saħħita li twassal għal pożizzjoni ekonomika b’saħħita.
Il-fiera tal-iGaming SiGMA Europe saret għas-seba’ darba f’pajjiżna. Din hija waħda mill-akbar fieri tal-iGaming madwar id-dinja. Din il-fiera attirat lejn pajjiżna rekord ta’ sitt mitt investitur li qed jaraw potenzjal fis-settur tal-intelliġenza artifiċjali u l-blockchain, kif ukoll potenzjal sabiex jinvestu f’Malta. Dan huwa l-investiment futur li l-Gvern qed jaħdem biex jattira lejn pajjiżna.
Minn aspett ta’ tranżizzjoni ambjentali, nafu li bħalissa d-dinja qed tesperjenza tibdil fil-klima u impatti ambjentali oħra li rridu nieħdu bis-serjetà.
Rajna kif ftit tal-jiem ilu l-Prim Ministru pparteċipa f’summit bl-isem ta’ COP26 fejn rajna li anke quddiem sfidi kbar bħal dawn, il-Gvern qed jaħdem bi strateġija sabiex Malta wkoll tagħti l-kontribut tagħha għal din il-bidla radikali li hija meħtieġa għal ġid tad-dinja kollha.
Waqt dan is-summit il-Prim Ministru ħabbar li Malta ser tkun qed tirdoppja l-fondi fil-fond ambjentali tal-Ġnus Magħquda. Ma nistgħux ma nsemmux il-pjan ta’ rkupru (Recovery and Resilience Plan) li l- Kummissjoni Ewropea approvat u faħħret. Dan il-pjan ser ikun qed jalloka 54% tal-fondi għal qalba ambjentali.
Il-mira hija li pajjiżna jnaqqas il-livelli ta’ karbonju b’miri sas-sena 2030 filwaqt li jkun ħieles totalment mill-karbonju sas-sena 2050.
Hemm bżonn ħidma kollettiva bejn il-pajjiżi kollha għaliex din hija sfida globali. Aktar importanti, hemm bżonn għaqda nazzjonali sabiex Malta tilħaq dawn il-miri għaliex l-effetti negattivi jekk ma jintlaħqux ser ibgħatu minnhom l-poplu Malti u Għawdxi kollhu.