Saturday, October 26, 2024

It-turisti matul ix-xahar ta’ Awwissu jonqsu b’66% meta mqabbel ma’ dak tas-sena li għaddiet

Aqra wkoll

In-numru ta’ turisti li waslu f’Awwissu naqas b’66.2% meta pparagunat mal-istess xahar tas-sena li għaddiet. Dan joħroġ minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

L-istatistika tal-NSO turi li matul ix-xahar ta’ Awwissu waslu f’pajjiżna 114,458 turist, bil-kalkulazzjoni tal-infiq tagħhom jammonta għal €94.6 miljun.

B’paragun ma’ dan f’Awwissu tal-2019 f’Malta kienu waslu 338,753 turist li kienu nefqu €329.6 miljun.

Ix-xahar ta’ Awwissu kien l-ewwel xahar sħiħ fejn matulu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien qed jilqa’ titjiriet wara xhur sħaħ fejn it-titjiriet kummerċjali f’pajjiżna kellhom jieqfu kaġun tal-pandemija.

L-NSO żiedet tgħid li 107,908 mill-wasliet matul dak ix-xahar kienu għal raġunijiet ta’ btala, filwaqt li 2,318 wasla oħra kienu għal raġuni ta’ negozju.

Aktar minn wieħed minn kull ħames wasliet f’pajjiżna kienu ġejjin mir-Renju Unit.

Meta mqabel ma’ Awwissu tas-sena li għaddiet, in-numru ta’ ljieli mqattgħin f’pajjiżna naqas b’62.6%.

Sport