Isostni dan il-Professur Andrew Azzopardi b’reazzjoni għall-ħatra tal-kap il-ġdid tal-PN
L-opinjonista Andrew Azzopardi huwa tal-fehma li l-isfida li qed jiffaċċja quddiemu l-kap il-ġdid tal-PN Bernard Grech mhix il-fazzjoni tal-predeċessur tiegħu Adrian Delia imma dawk li “emigraw” lejn il-Partit Laburista.
F’kumment lil Inewsmalta, il-Professur Azzopardi stqarr li għalissa diffiċli tgħid kemm Grech kapaċi jattira nies lejn il-PN u possibilment jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Huwa qalilna li huwa żgur hu li l-istrutturi kollha tal-partit kienu xebgħu minn Delia għax ma kienx qed jagħmel ‘inroads’ fost il-poplu bl-istħarriġ juru li l-PL kien riesaq lejn iż-żewġ terzi tal-popolarità fil-Parlament.
Waqt li irrimarka li Delia ma rnexxielux jgħaqqad lill-partit, il-Professur Azzopardi sostna li l-Avukat Grech għandu rispett usa u t-tesserati u l-attivisti jafu li jekk iridu jersqu lejn elezzjoni b’ċans li jikkompetu mal-PL iridu jagħmlu sforz kbir biex jingħaqdu.
“Naħseb li l-istil ta’ Grech, irpużat, iffukat u mingħajr ħafna xinxilli żejda, huwa aktar idoneju biex in-nies jersqu lejn il-mejda. L-isfida ta’ Grech mhiex il-fazzjoni ta’ Delia imma gruppi sħaħ li tradizzjonalment kienu jħossuhom parti mill-partit u emigraw lejn il-PL”, żied il-Professur Azzopardi.