Mhux Malta biss. Kullimkien, il-vjaġġi baqgħu jsiru u jiżdiedu. Faru mal-Ewropa kollha. U dan minkejja l-ansjetajiet li l-inflazzjoni qawwija u l-gwerra fl-Ukrajna għadhom iqanqlu. X’inhu jiġri?
Jidher li l-Covid bit-theddida li żamm li jista’ jerġa’ jagħlaq lill-popli fi djarhom, kebbes ħerqa qawwija biex sakemm jistgħu jagħmlu hekk, in-nies timraħ. U veru: fejn sa ftit xhur ilu, l-ajruporti li ngħaddi minnhom kienu jkunu kważi baħħ, illum tarahom mimlija.
It-tbassir hu li din ix-xejra se tibqa’ tissaħħaħ fix-xhur li ġejjin. Dejjem jekk ma tinqalax xi ġrajja mhux mistennija li terġa’ tissomma lil kulħadd.
Jekk le, dan l-izvilupp fit-turiżmu tal-vjaġġi bilfors jintemm meta l-flus li faddlu matul il-Covid ikun telaq mill-bwiet tan-nies. L-għoli tal-prezzijiet qed inaqqar mill-valur ta’ x’kellhom imfaddal. Imma jidher li baqa’ sew biex din il-bonanza ta’ vjaġġi tasal fi tmiemha. Nittamaw li ddum.
KULTURKAMPF
Id-dibattiti parlamentari u nazzjonali dwar l-emenda li l-gvern irid idaħħal fil-liġi dwar kif jista’ u għandu jsir abort kliniku fl-interess tal-ħajja u tas-saħħa tal-omm qanqal il-kontroversji li wieħed seta’ jistenna. Imorru lil hinn mill-kwistjoni tal-abort waħdu. Jinfirxu lejn kwistjonijiet aktar fondamentali dwar it-tip ta’ soċjetà li nixtiequ ngħixu fiha.
L-argumenti għal naħa u oħra jitpoġġew f’lingwaġġ li jintrabat mat-twettiq ta’ valuri li kif jiġu mfissra, ftit iħallu skop għal kompromess. Jew tirbaħ naħa jew oħra.
It-tifsira tal-gvern li qed sempliċement jikkoreġi difett fil-liġi biex jagħti l-libertà sħiħa lit-tobba li jiddeċiedu għandhomx bżonn isalvaw il-ħajja tal-omm billi jabortixxu, ftit ingħatat widen minn dawk li huma kontra l-legalizzazzjoni tal-abort. Ninsabu f’nofs taqtigħa kulturali-morali, marbuta mal-poter soċjali, tal-istess natura bħal dik li fil-Ġermanja ta’ seklu ieħor issejħet kulturkampf — gwerra kulturali.
PLASTIKK/KARTA
Kienu jgħidulna: Bit-teknoloġija moderna, nistgħu nipproduċu kontenituri tal-plastik ħafna aħjar mill-ħġieġ, u irħas. Fihom jinħażnu u jinbiegħu żjut tal-ikel, inbejjed, insomma likwidi li l-poplu juża għal kuljum. U l-plastikk rebaħ fuq il-ħġieġ.
Kienu jgħidulna: Bl-użu “sfrenat” tal-karta, qed neqirdu miljuni ta’ siġar. Nekonomizzaw fuq dan l-użu biex insalvaw is-siġar.
Qed jgħidulna: Wisq użu tal-plastikk ħoloq tniġġiż inkredibbli fl-ibħra u fl-art. Hemm bżonn li dat-tniġġis jitnaddaf. Boroż tal-plastikk m’għandhomx jibqgħu jintużaw aktar. Minflok, nużaw il-karta biex fiha ngeżwru dak li qed nixtru.
Mhux ta’ b’xejn li m’aħniex nikkontrollaw it-taħsir ambjentali li l-pjaneta qed iġġarrab. L-argumenti mħawda dwar il-plastikk u l-karta, tqajmu bl-istess mod dwar faħam, ħadid, ilma, melħ, minerali rari, gass naturali…
L-eżistenza tal-bniedem tiddependi mill-użu tar-riżorsi li jdawruna. Dan l-użu qed immexxuh tajjeb.