Wednesday, April 24, 2024

It-Turkija thedded li timblokka l-applikazzjoni ta’ sħubija tal-Finlandja u l-Iżvezja fin-NATO

Aqra wkoll

In-NATO qed tiffaċċja problemi għat-tkabbir tagħha wara li l-President tat-Turkija, Recip Tayyip Erdogan, tenna l-oppożizzjoni tiegħu li l-Finlandja u l-Iżvezja jingħaqdu fl-Alleanza Atlantika ftit sigħat biss wara li qalu li se japplikaw formalment għas-sħubija.

Recep Tayyip Erdogan qal li ż-żewġ nazzjonijiet Nordiċi m’għandhomx għalfejn jibagħtu delegazzjonijiet biex jikkonvinċu lit-Turkija — membru ewlieni tan-NATO — tappoġġja s-sħubija tagħhom fin-NATO. Il-President Tork huwa rrabjat billi ż-żewġ pajjiżi Nordiċi għadhom jospitaw militanti Kurdi.

Mingħajr l-appoġġ tal-membri kollha tan-NATO, l-Iżvezja u l-Finlandja ma jistgħux jissieħbu fl-alleanza militari; għalhekk dawn iż-żewġ pajjiżi jeħtieġu l-appoġġ tat-Turkija fl-attentat tagħhom biex jissieħbu fl-alleanza militari.

Ilbieraħ, l-Iżvezja qalet li l-Ewropa kienet qed tgħix f’realtà ġdida perikoluża, b’referenza għall-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna.

Il-President Russu, Vladimir Putin, qal li l-mossa mill-Finlandja u l-Iżvezja biex jingħaqdu mal-alleanza militari ta’ 30 membru ma theddidx direttament lil Moska iżda saħaq li kwalunkwe espansjoni ta’ infrastruttura militari twassal għal rispons mill-Kremlin.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ, Erdogan qal li t-Turkija opponiet li l-Finlandiżi u l-Iżvediżi jissieħbu fin-NATO, u ddeskriva lill-Iżvezja bħala “bejta” għal organizzazzjonijiet terroristiċi.

It-Turkija akkużat liż-żewġ nazzjonijiet Nordiċi li jospitaw membri tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK) — grupp li t-Turkija tqis bħala organizzazzjoni terroristika u segwaċi ta’ Fethullah Gulen — li Ankara takkużah li orkestra attentat ta’ kolp ta’ stat fl-2016.

Il-Gvern Tork wiegħed li jimblokka l-applikazzjonijiet minn pajjiżi li imponew sanzjonijiet fuqu. Fl-2019, iż-żewġ nazzjonijiet Nordiċi imponew embargo fuq bejgħ ta’ armi lit-Turkija wara s-sehem tagħa fil-gwerra fis-Sirja.

Waqt li tkellem fil-parlament f’Ħelsinki lbieraħ, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Finlandiż Pekka Haavisto qal li kien sorpriż bil-pożizzjoni tat-Turkija, iżda żied li l-gvern tiegħu ma kienx interessat li ‘jinnegozja’ mal-President Tork.

Il-Finlandja ħabbret formalment l-intenzjoni tagħha biex tissieħeb fin-Nato il-ġimgħa li għaddiet. Magħha ngħaqdet il-pajjiż ġar — l-Iżvezja — nhar is-Sibt f’mossa li se ttemm in-non allinjament militari tal-pajjiż Skandinav li ilu sekli sħaħ.

Il-Prim Ministru tal-Iżvezja, Magdalena Andersson, f’laqgħa ta’ tagħrif li saret ilbieraħ qalet li n-NATO se ssaħħaħ l-Iżvezja u l-Iżvezja se ssaħħaħ in-NATO.

“Qed inħallu era warajna u nidħlu f’oħra ġdida,” qalet Andersson lil-Parlament waqt dibattitu fi Stokkolma, nhar it-Tnejn ukoll.

Hija qalet li applikazzjoni formali tista’ tiġi mgħoddija fi żmien diversi jiem u tkun sinkronizzata mal-Finlandja. In-NATO wriet ir-rieda tagħha li ddaħħal iż-żewġ membri ġodda.

Madankollu, il-Prim Ministru Andersson saħqet li l-Iżvezja ma tridx bażijiet permanenti tan-NATO jew armi nukleari fit-territorju tagħha.

In-Norveġja, id-Danimarka u l-Iżlanda – kollha membri tan-NATO – mill-ewwel qalu li lesti jappoġġjaw lill-Iżvezja u lill-Finlandja bil-mezzi kollha meħtieġa f’każ li jiġu attakkati. Ir-Renju Unit, membru wkoll tan-NATO, diġà tat garanziji ta’ sigurtà lill-Iżvezja u lill-Finlandja biex ikopru l-perjodu ta’ tranżizzjoni.

It-tħabbira tal-bieraħ mill-Iżvezja saret hekk kif in-NATO bdiet wieħed mill-akbar eżerċizzji tagħha fir-reġjun Baltiku, li jinvolvi madwar 15,000 suldat. L-eżerċizzji fl-Estonja jinvolvu 10 pajjiżi, inklużi l-Finlandja u l-Iżvezja.

Sport