Sunday, December 22, 2024

“It-twemmin ta’ Joe kien imnebbaħ mhux biss minn filosofija politika imma mill-Evanġelju”

- Il-Kardinal Mario Grech waqt il-funeral ta’ Joe Brincat

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għadd ta’ persuni prominenti fosthom l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż illum taw l-aħħar tislima lill-Avukat Joe Brincat li miet il-Ġimgħa li għadda fl-età ta’ 81 sena.

Il-preżenza tagħhom waqt il-quddiesa tal-funeral irriflettiet ir-rispett li kien igawdi l-Avukat Brincat. Tant li l-quddiesa ġiet ikkonċelebrata mill-Kardinal Malti Mario Grech. 

Il-Kardinal Grech kien kontributur regolari fil-programm li Dr Brincat kellu fuq ONE Radio fil-ħin ta’ bejn nofsillejl u s-sagħtejn ta’ filgħodu tal-Ħadd. 

Dr Brincat ingħata l-aħħar tislima fil-Knisja ta’ San Publiju fil-Furjana li kienet ippakkjata bin-nies. Preżenti kien hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, Ministri, Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra u għadd ta’ persuni mill-professjoni legali fost oħrajn.

Fl-omelija tiegħu, il-Kardinal Grech qal li ċirkostanza bħal din tal-lum s-soltu nitfgħu ħarsitna fuq l-imgħoddi, fuq l-istorja ta’ dak li jkun ħalliena. Qal li naturalment dan ma jnaqqas xejn mill-kontribut li ta Joe bħala missier, professjonist, politiku u xandar.

Madankollu, il-Kardinal Grech sostna li l-ħarsa tiegħu ma xtaqiex li tkun fl-imgħoddi imma fil-futur. Huwa żied isemmi kif Joe ma kienx jistħi jgħid illi fil-programm tiegħu jinqara parti mill-Vanġelu u jispjegah hu. 

“Nemmen li t-twemmin li kellu Joe Brincat kien imnebbaħ mhux biss minn filosofija politika imma mill-Evanġelju, li mbagħad sab ukoll il-kuntest soċjali,” tenna l-Kardinal Grech. 

Qabel il-quddiesa tal-funeral, il-korteo funebri għadda minn quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun fejn hemmhekk ingħata l-aħħar tislima mill-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia, l-amministrazzjoni u l-membri tal-Partit Laburista.  

Joe Brincat kien eks Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, tal-Partit Laburista f’żewġ perjodi, bejn l-1976 u l-1980 u bejn l-1998 u l-2003.

Huwa serva fil-Parlament Malti f’isem il-Partit Laburista għal sitt leġiżlaturi. Kien Ministru wkoll fi Gvern Laburista għall-Ġustizzja, l-Artijiet, il-Housing u l-Affarijiet tal-Parlament.

L-Avukat Brincat kien ukoll kontributur regolari fuq numru ta’ ġurnali u gazzetti fosthom f’L-ORIZZONT u f’IT-TORĊA fejn kien jagħti l-opinjonijiet tiegħu dwar temi kurrenti.

Ekonomija

Sport