Monday, September 23, 2024

Jitneħħew is-CCTVs mir-ristorant ta’ wieħed mill-akkużati u body cam ta’ wieħed mill-uffiċjali baqgħet ma nstabitx

Aqra wkoll

Meta dalgħodu, tressqu l-Qorti ħames persuni mixlija li s-Sibt li għadda filgħaxija, allegatament aggredew żewġ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija, ġie żvelat li s-CCTV tal-istabbiliment ta’ wieħed mill-imputati tneħħew minn posthom kif ukoll li body cam ta’ wieħed mill-uffiċjali baqgħet ma nstabitx u għad irid jiġi determinat fejn tinstab.

L-imputati huma Elton Anthony Borg ta’ 46 sena residenti l-Imsida, Erica Borg ta’ 42 sena residenti l-Imsida, Kurt Borg ta’ 44 sena residenti Ħal Qormi, Redeimen Aquilina ta’ 23 sena mill-Ħamrun u Christian Mansueto ta’ 33 sena li joqgħod is-Siġġiewi.

Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt fejn wieġbu mhux ħatja għal diversi akkużi miġjuba kontrihom fosthom li wżaw vjolenza u theddid kontra uffiċjali pubbliċi, insultaw u ħebbew għalihom u li kkawżaw ġrieħi ħfief fuq wieħed mill-uffiċjali u ġrieħi gravi fuq ieħor.

F’awla ppakkjata mimlija fost l-oħrajn b’membri tal-Korp tal-Pulizija u Avukati, il-Prosekuzzjoni spjegat iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tal-ħames persuni. Intqal li fil-21 ta’ Settembru, il-Pulizija tad-Distrett ġew mgħajta fi Triq il-Kbira San Ġużepp wara li kienu infurmati li kien hemm żewġ pulizija involuti f’argument fejn allegatament qalgħu xi daqqiet u kienu qed isofru minn xi ġrieħi. Jidher li l-pulizija allegatament sfaw aggrediti wara li ħarġu taħrika għal karozza li kienet ipparkjata illegalemnt.

Minnufih kienu ntbagħtu aktar uffiċjali fuq il-post sabiex jassistu, fejn ġew identifikati l-allegati aggressuri, bi tlieta minnhom ikunu arrestati fuq il-post. Minn aktar investigazzjonijiet ġew identifikati żewġ persuni oħra li kienu Aquilina u Mansueto, u dawn ġew arrestati mir-residenzi rispettivi tagħhom.

Wara li semgħet lill-Prosekuzzjoni tispjega ċ-ċirkostanzi tal-każ, il-Qorti qieset l-arrest tal-imputati bħala wieħed validu. Sussegwentement saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-possibiltà reali ta’ intralċ ta’ provi u l-fatt li l-investigazzjoni għadha għaddejja.

Dan filwaqt li ntqal li hemm il-possibilità li jitressaq xi ħadd ieħor fuq il-każ.
Minbarra hekk, kompliet tgħid il-Prosekuzzjoni, dan il-każ ixxandar sew fuq il-midja soċjali – anke bil-filmati li bdew jiċċirkolaw – u għalhekk jekk l-imputati kellhom jingħataw il-libertà proviżorja jaf tinqala’ kommossjoni fost il-pubbliku. “Hemm bżonn li jintbagħat messaġġ li dawn l-affarijiet mhux aċċettati fuq is-soċjetà”, żiedet tgħid.

Min-naħa tagħha, id-Difiża qalet li l-imputati kienu lesti jissodisfaw kwalunkwe kundizzjoni li tista’ tiġi imposta relatata mal-ħelsien mill-arrest tagħhom filwaqt li dawn għadhom preżunti innoċenti u kollha jgħixu hawn Malta. Id-Difiża tenniet ukoll li għandha rispett totali lejn il-Korp tal-Pulizija.

Wara li semgħet it-trattazzjoni taż-żewġ naħat, il-Qorti qieset li f’dan l-istadju jkun prematur li l-imputati jingħataw il-libertà proviżorja u għaldaqstant ċaħdet it-talba u baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elisia Scicluna flimkien mal-Avukat Jennifer Polidano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Għall-imputati dehru l-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Mario Mifsud, Jacob Magri, Matthew Xuereb, Charles Mercieca, Alex Scierri Herrera u Nicholas Mifsud. L-Avukat Herman Mula qed jidher għaż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija li kienu aggrediti.

Aktar kmieni: IWIEĠBU LI MHUMIEX ĦATЈA TAL-AKKUŻI MIĠЈUBA KONTRIHOM

Hekk kif quddiem il-Maġistrat Јosrph Gatt qed јinstema l-każ tal-ħames persuni mixliјa li ħebbew għal żewġ Puliziјa wieġbu mhux ħatјa tal-akkużi miġјuba kontrihom.

Il-Ħames akkużati huma: Erica Borg ta’ 42 mill-Imsida, Kurt Borg ta’ 44 sena minn Ħal Qormi, Redimen Aquilina ta’ 23 mill-Ħamrun, Christian Mansueto ta’ 33 sena mis-Siġġiewi u Elton Borg ta’ 46 sena mill-Imsida.

Id-Difiża talbet għal-libertà proviżorja tal-imputati, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-possibiltà reali ta’ intralċ ta’ provi.

Is-CCTV tal-istabbilment ta’ wieħed mill-imputati ġew maqlugħa l-investigazzjoni għadha għaddejja
hemm ċans jitressaq xi ħadd ieħor fuq il-każ.

Minbarra hekk dan il-każ kellu coverage fuq il-midja soċjali enormi u l-possibiltà tal-bail jinqala’ kommossjoni bejn il-pubbliku.

Dwar il-biża reali ta’ intralċ ta’ provi, il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li meta l-pulizija marru biex jiġbru l-filmati din il-prova ma nstabitx u għalhekk jista’ jkun illi jekk l-imsemmija imputati jkunu barra isir aktar intralċ ta’ provi

Qalet ukoll li apparti hekk, ġiet mitlufa wkoll body cam, li nġabret mill-post u għad irid jiġi determinat fejn tinsab. Dwar il-kommossjoni li nħoloq fil-pubbliku, ingħad li kull min hawn preżenti jaf x’kommossjoni nħolqot minn dan l-argument.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport