Tuesday, September 24, 2024

Bħal lum inkalja l-‘Angel Gabriel’ f’Wied il-Għajn… qlubija kbira fi ġlieda mal-ħalel tal-baħar biex ġew salvati dawk abbord

Aqra wkoll

Ħamsa u ħamsin sena ilu, pajjiżna kien intlaqat minn maltempata kbira b’riħ qawwi mill-Grigal.  Il-maltempata li kaġun tagħha kien inkalja it-tanker ‘Angel Gabriel’ fil-post magħruf bħala ‘Il-Pont tas-Siberja’ f’Wied il-Għajn.

Il-maltempata  damet saħansitra ħamest ijiem. Kissret ukoll diversi bċejjeċ tal-baħar, b’mod speċjali l-Għadira, San Pawl il-Baħar u San Ġiljan. Tant kien maltemp li saħansitra s-servizz ta’ trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex kellu jiġi sospiż minħabba n-nuqqas ta’ faċilitajiet adekwati fil-Marfa.

Ir-rapporti li kienu dehru dakinhar kienet tkellmu dwar il-qlubija li intweriet waqt is-salvataġġ. Kien intqal li “bi qlubija u kuraġġ ta’ l-għaġeb, Maltin, Ingliżi u Amerikani għal sigħat sħaħ sfidaw ħalel kbar ta’ baħar, irwiefen qawwija u xita bil-qliel biex salvaw omm u binha u l-ekwipaġġ kollu barra wieħed tat-tanker ‘Angel Gabriel’, li nkalja mas-sebħ fuq il-blat fil-Ponta tas-Siberja f’Wied il-Għajn. 

Sa wara nofsinhar fit-tard l-unika bniedem li baqa’ abbord u ma riedx jinżel minn fuq it-tanker kien il-Kaptan.  Din il-maltempata ħakmet ukoll u kkaġunat ħsarat f’bosta naħat ta’ Malta.’

“It-tanker ta’ 20,000 tunnellata itajjar il-bandiera Griega u proprjetà tal-kumpanija Cherouvim Cl Mar S.A ta’ Panama  kien se jidħol fil-Malta Drydocks għal tiswijiet u dry docking u kien mistenni idum sebat ijiem. Meta inkalja mal-blat tas-Siberja t-tanker kważi inqasam fi tnejn.

Erba’ membri ta’ l-ekwipaġġ qabżu l-baħar u għamu lejn l-art. Ernest Galea minn Wied il-Għajn u Tony Wattson, sid il-ħanut ‘Coxwain’s Cabin’ li kienu fuq il-post irnexxielhom  isalvaw tlieta minnhom. Wieħed mill-ewwel tobba li waslu fuq il-post kien Dr. J. Spiteri Gonzi tal-Fgura.”

Kien intqal li “l-fotografu tal-“Freedom Press’ Joe Tanti ipprova jagħti r-respirazzjoni artifiċjali lil ieħor iżda tabib Ingliż Dr Lennox Johnson li joqgħod f’villa hemmhekk iċċertifika lill-baħri mejjet.  Wara l-mewt ta’ wieħed minnhom il-membri l-oħra tal-ekwipaġġ ma qabżux il-baħar u baqgħu fuq it-tanker, imsawwat mill-mewġ qawwi. Ma’ l-ekwipaġġ kein hemm mara żagħżugħa, Kaljopi u binha żgħir George,. Aktarx li hi mart iċ-Chief Engineer tal-vapur.

Il-Pulizija bil-għajnuna ta’ xi ħaddiema tal-bini malajr għamlu triq ta’ ħbula għall-vapur u bdew iniżżlu lill-baħrin wieħed wieħed bil-mod. Il-furja ta’ l-irjieħ ma battiet qatt u l-mewġ li beda jaħbat għall-vapur kien tant kbir li beda jgħattih. Il-vapur bir-riħ beda jissabbat mal-blat qisu kien dgħajsa żgħira. 

F’ħin minnhom, baħri li kien nieżel mal-ħabel waqa’ u kien hemm il-biża’ li jitgħaffeġ bejn it-tanker u l-blat iżda irnexxielhom itellgħuh l-art. Hu aktarx kiser saqajh it-tnejn u ttieħed l-isptar. L-operazzjoni ta’ salvataġġ kienet qed isseħħ bil-mod u kien hemm biża’ li l-vapur jew jinqasam għal kollox jew jegħreq bit-telf tal-ħajja ta’ min kien fadal.”

Helikopter

“F’dan il-ħin jasal helikopter tal-Qawwa Navali Amerikana li ttajjar fil-baxxa fuq it-tanker jitbandal fl-irjieħ qawwijin. Niżżel il-ħabel  u l-omm u t-tifel kienu l-ewwel fost dawk li ġew imtella’ fuq il-helikopter. Wara ftit vjaġġi, il-helikopter kellu jibqa’ l-art minħabba l-irjieħ qawwija u x-xita qalila li bdiet nieżłą.

Fortunatament ix-xita waqfet malajr u l-irjieħ battew xi ftit u b’hekk il-helikopter seta’ jkompli bil-missjoni tiegħu. Iżda bi sfortuna kbira il-helikoper ġarrab ħsara fl-magna waqt li kien nieżel l-art u kellu jagħmel ‘inżul ta’ emerġenza’. Il-baħrin tal-Qawwa Navali Amerikanai bdew minnufih jaħdmu fuqu.

Sa dak il-ħin kien fadal biss ftit membri ta’ l-ekwipaġġ abbord u vjaġġ wieħed bil-helikopter kien ikun biżżejjed biex inniżżilhom l-art. Il-Pulizija filmkien ma’ suldati Ingliżi, niżżlu lill-baħrin wieħed wieħed permezz tal-ħabel. Għal uħud mill-ekwipaġġ l-inkwiet kien għadu ma spiċċax. Ambulanza tad-Difiża Ċivili li kienet qed iġġorrhom għall-isptar ġarrbet ħsarat meta ċediet l-art minħabba li kienet mifqugħa bl-ilma. Dawn ġew trasferiti f’ambulanza oħra. 

Wieħed milli salvaw kien qal lil “L-ORIZZONT”  li ħadd mill-ekwiġaġġ ma ippanikkja. Ieħor li hu mis-Sudan qal li l-ebda wieħed mill-ekwipaġġ li kellu x-xogħol x’jagħmel dak il-ħin ma seta’ jibża’ jew jippanikkja.”

Kien intqal li “hu kompla qal li t-tanker jidher li fittex il-kenn u tefa’ l-ankra barra mill-Ponta taż-Żonqor meta inqatgħu l-ankri u t-tanker inkalja. Dan il-baħri qal li ilu mal-bastiment xahar u sebat ijiem u kellu tifħir għan-nies li għenu biex isalvawh.

Kważi malli t-tanker spara l-ewwel rokit ta’ sinjal, membri tal-Pulizia, id-Difiża Ċivili, is-Servizzi Ingliżi, il-Qawwa Navali tal-Istati Uniti u nies ċivili ġrew biex jagħtu l-għajnuna.  Hu mifhum li għall-ewwel xi membri tal-ekwipaġġ iddeċidew li jibqgħu fuq il-vapur mal-kaptan, iżda għall-ħabta tas-2.30 ta’ wara nofsinhar, il-baħar reġa’ tqawwa u l-Pulizija għamlu sinjali biex kulħadd jinżel minn fuq it-tanker. 

Meta niżel l-aħħar raġel il-Kaptan deher jixxabbat mal-ġenb tal-bastiment u rabat basket bid-dokumenti u l-log book tat-tanker. Dawn qabadhom membru tal-ekwipaġġ u ħadhom miegħu ġo ambulanza. Il-Kaptan kien jidher jagħmel sinjali li ma jridx jinżel u jabbanduna t-tanker.

Spettur tal-Puliżija ipprova jikkonvinċieh iżda l-kaptan deher juri l-apprezzament tiegħu lejn il-Puliżija u baqa’ tiela’ fuq nett tal-vapur ħdejn il-gabina tar-radju iħares biss lejn il-baħar iħabbat mat-tanker.  Diversi membri tas-Servizzi, Pulizia u nies oħra korrew waqt l-attentati biex isalvaw l-ekwipaġġ.  Pulizija kiser idu u membru tal-RAF ittieħed l-isptar.”

Kelliem għall-Uffiċċju Meteoroloġiku f’Ħal Luqa kien qal li t-tempesta kienet ikkaġunata minn roqgħa kbira ta’ arja kiesħa mit-Tramuntana li niżelt bil-mod fil-Mediterran Ċentrali. 

F’din ir-roqgħa ġiet żviluppata pressjoni baxxa li ħolqot ċirkolazzjoni qawwija li waslet għall-irwiefen. Xita qawwija hi normali f’dawn il-kundizzjonijiet.  F’Ħal Luqa l-ħeffa tar-riħ kien ta’ 48 knots u f’postijiet mal-kosta, l-aktar dawk esposti għall-Grigal, il-ħeffa tar-riħ kienet akbar.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport